L-awtoritajiet f’Pariġi qed jinvestigaw x’wassal għal sparatura għall-għarrieda fil-qalba tal-kapitali u li fiha mietu tliet persuni, b’aktar minn ħamsa jisfaw midruba.
L-attakk seħħ viċin ta’ ċentru kulturali għall-Kurdi – bil-pulizija twieġeb malajr għall-kriżi fejn arrestat lil suspettat ta’ 69 sena b’konnessjoni mal-isparatura. Dan ir-raġel, li spiċċa midrub fil-konfront mal-pulizija, qed jgħin lill-awtoritajiet bl-investigazzjonijiet relatati.
Intant, sar magħruf ukoll li l-aggressur kien qed jimmira għal dan iċ-ċentru u bil-pulizija qegħdin jindagaw dwar il-possibbiltà ta’ skop razzista wara l-attakk. Ir-raġel inkwistjoni anki laħaq fetaħ in-nar fuq ristorant u ħanut tax-xagħar viċin iċ-ċentru.
Dritt wara l-attakk, l-awtoritajiet f’Pariġi ħarġu appell urġenti biex in-nies jevitaw iz-zona tal-isparatura fl-għaxar distrett ta’ Strasbourg-Saint Denis.
Ir-rapporti qalu li s-suspettat għandu nazzjonalità Franċiża waqt li hu magħruf sew mal-pulizija wara li hu kien involut f’żewġ attentati ta’ qtil preċedenti – bil-miri jkunu residenti f’kamp għall-immigranti f’Pariġi.
Ix-xhieda fuq il-post tal-attakk tkellmu dwar il-paniku li nqala’ waqt l-isparatura, bl-aħħar rapporti jikkonfermaw li talanqas tnejn mill-midruba jinsabu f’sitwazzjoni kritika.
L-aggressur ċeda lill-pulizija mingħajr wisq reżistenza, bl-uffiċjali tal-liġi jieħdu pussess tal-arma li ntużat fl-attakk. U waqt li l-Prosekuturi minnufih bdew l-investigazzjoni, is-Sindku ta’ Pariġi, Anne Hidalgo, faħħret lill-pulizija għall-azzjoni deċiżiva tagħhom f’sitwazzjoni ta’ periklu kbir għalihom.
It-triq viċin l-istazzjon tal-metro ta’ Château d’Eau metro għandu diversi ristoranti u ħwienet minbarra ċ-ċentru kulturali tal-Kurdi – b’din iz-zona qed tkun ferm attiva għal dawn il-ġranet ta’ festi.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Franċiż għall-Intern, Gérald Darmanin, żar ix-xena tal-isparatura drammatika fejn, fost oħrajn, ħareġ messaġġ ta’ solidarjetà mal-qraba tal-vittmi.
//= $special ?>