Lokali

Gratitudni għall-Caritas, appell lill-Gvern – PN

Mingħajr daqq ta’ trombi u mingħajr dawl tal-cameras, Caritas Malta u għadd ġmielu ta’ volontieri qed iħejju biex f’pajjiżna mhux biss issir l-ikla li ilha tittella’ mill-2015 f’Jum il-Milied ħalli titma’ lil mijiet ta’ persuni, iżda wkoll biex ikollna Soup Kitchen oħra li taqdi l-bżonnijiet tant kbar matul is-sena kollha. Dan intqal mid-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, il-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Ġlieda kontra l-Faqar.


Jgħidu huma stess li din ir-realtà mhux talli għolliet rasha f’pajjiżna, talli waslet fi stat li s-servizzi disponibbli diġà ma jistgħux ilaħħqu mad-domanda.


Filwaqt li jirringrazzja lil dawk li diġà wettqu inizjattivi bħal dawn, il-Partit Nazzjonalista jappella lil kulħadd biex ikompli jsostnihom u japprezzahom.


Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll kif, minkejja li ftit li xejn narawhom b’għajnejna u ftit li xejn jissemmew fuq ix-xandir tal-Istat, hawn eluf li ma jaffordjawx jixtru l-ikel tagħhom. Persuni bħalna, li l-ħobżna ta’ kuljum tagħhom hi l-ġuħ u n-nuqqas ta’ riżorsi bażiċi.


Fil-fatt, wieħed mill-aħħar studji ewlenin li saru dwar dan wera li hemm madwar 10% tal-popolazzjoni, jiġifieri madwar 50,000 persuna, li għandhom nuqqasijiet materjali jew soċjali. Rata allarmanti li l-Gvern suppost Soċjalista mhux jindirizza, anzi qed iħalliha tiżdied b’nofs persentaġġ jew iżjed kull sena.


Għall-Partit Nazzjonalista, din is-sitwazzjoni hi ta’ tħassib kbir. Bħalma s-surplus żvinta f’ħakka ta’ għajn, it-tkabbir ekonomiku li tant jiftaħr bih il-Gvern xorta mhux jirnexxielu jasal għand kulħadd, anzi qed jasal għand anqas nies kull sena u l-qasma bejn is-sinjur u l-fqir qed tkompli tikber ssir dejjem aktar evidenti.


Għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li, minflok ma jsaħħaħ il-klassi tal-ħaddiem, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jirnexxielu joħloq aktar faqar fost il-ħaddiema: in-work poverty.


Persuni li jmorru għax-xogħol kuljum u xorta ma jlaħħqux mal-ħajja, jew persuni li jkollhom jaħdmu żewġ impjiegi jew iżjed biex iġaħġħuha u jnaqqru mill-ħin mal-familja. Iżda xorta m’għandhomx x’jieklu: Maltin u Għawdxin li t-tbatija tagħhom hi l-ikel ta’ kuljum u li jiddependu kważi għal kollox fuq il-food banks u s-Soup Kitchens.
Il-Parit Nazzjonalista jpoġġi l-benesseri soċjali fuq quddiem nett paġna tal-politika tiegħu għax irid itejjeb l-istil tal-ħajja ta’ kulħadd, b’mod partikolari tal-anqas ixxurtjati.


Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell lil Robert Abela u l-Gvern tiegħu biex ma jħallux dawn ir-rati tal-faqar ikomplu jiżdiedu ta’ kuljum. Huma obbligati li, lil hinn mill-ħidma sfiqa tal-NGOs, irażżnu din il-pjaga kbira.


Il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jisħaq għal politika u mudell ekonomiku li joħolqu l-ġid, b’impjiegi ta’ livell għoli, u li l-ġid li dawn jinqasam għand kulħadd. Ilu s-snin jgħid li jrid sistema li twieżen b’mod sostenibbli u li din tista’ tinkiseb jekk jieqaf it-tberbiq tal-miljuni u dawn ikunu investiti fin-nies.


Iżda tal-Labour ilhom is-snin jgħidulna li jridu jrażżnu r-rati għoljin tal-illitteriżmu fis-snin tal-primarja u li jridu jindirizzaw ir-rati għoljin tat-tluq bikri mill-iskola. Dawn ilkoll ċiklu wieħed u jekk tfalli ħolqa jew tnejn, jikkrolla kollox.
Jekk jiżdied il-faqar, jiżdied l-illitteriżmu. U jekk jiżdied l-illitteriżmu jkompli jiżdied il-faqar li jittieħed u jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.


Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jtenni li għandha tieqaf il-politika tax-xinxilli u l-pożi u minflok, inxammru l-kmiem biex ħadd ma jbati l-ġuħ jew ma jinqata’ lura għax dawn in-nies huma parti minna jew saħansitra aħna stess.