Internazzjonali

Iċ-Ċina: L-isptarijiet qed jerġgħu jimtlew waqt inċidenza ġdida tal-Covid

L-isptarijiet fiċ-Ċina qed jerġgħu jimtlew bil-pazjenti tal-Covid-19 meta l-pajjiż kollu qed jintlaqat minn pandemija ġdida.

Is-sitwazzjoni kienet ikkonfermata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), bil-kelliema jwissu li t-taqsimiet tal-isptarijiet għall-kura intensiva fiċ-Ċina huma ‘ferm attivi’ avolja l-uffiċjali f’Beijing qalu li l-ammonti tal-morda bil-Covid huma relattivament baxxi.

Iċ-Ċina anki ħarġet statistika biex turi ‘il-minimu tal-vittmi’ f’din l-inċidenza tal-Covid, iżda l-osservaturi barranin huma xettiċi dwar il-veru impatt tal-virus f’dak il-pajjiż.Dan partikularment għaliex l-isptarijiet f’Beijing u bliet Ċiniżi oħra qed ikomplu jimtlew bil-pazjenti waqt din il-fażi ġdida u bikrija tal-Covid.

Iċ-Ċina kienet ilha mill-2020 timponi r-restrizzjonijiet stretti għall-ħarsien tas-saħħa bħala parti minn politika magħrufa bħala ‘zero Covid’. Iżda l-Gvern Ċiniż, jiem ilu, irtira ħafna mill-miżuri wara li segmenti kbar tal-poplu ħarġu jipprotestaw kontra r-restrizzjonijiet li kienu qed jagħmlulhom ħajjithom infern.

Sadanittant, iż-żieda attwali fil-każi tal-Covid qed tidher li ħadet spinta fl-aħħar jumejn, fost l-inkwiet dwar rata akbar ta’ mortalità fost l-anzjani li huma partikularment vulnerabbli għal dan il-virus….Rata ta’ mortalità li l-awtoritajiet Ċiniżi jistgħu ma jridux li toħroġ fil-beraħ.

U minkejja s-sitwazzjoni preokkupanti, il-Gvern Ċiniż qed jinsisti dwar ‘l-istatistika valida’ tiegħu li (dejjem skont hu) turi li, mill-bidu tal-ġimgħa sal-bieraħ, mietu biss seba’ persuni mill-Covid.

L-istqarrija wasslet għal reazzjoni mingħand it-tabib Michael Ryan, li jieħu ħsieb is-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza għall-WHO u li ħeġġeġ biex iċ-Ċina tipprovdi aktar informazzjojni dwar il-firxa attwali tal-virus fl-artijiet tagħha.