Lokali

Il-korruzzjoni fil-Gvern iġġib spejjeż żejda għan-negozji Maltin u Għawdxin

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, bank ewlieni f’pajjiżna ħabbar li se jkun qed iżid it-tariffi tal-amministrazzjoni tiegħu b’mod qawwi għan-negozji u l-kumpaniji Maltin bi tliet darbiet – minn €10 għal €30 fix-xahar – għax il-bank qal li jrid ikopri l-proċess ta’ due diligence, bil-barka tal-awtorità regolatorja relatata.

Il-bank, li l-Gvern hu l-azzjonist ewlieni tiegħu, qal li dawn iż-żidiet huma dovuti għaż-żieda fl-ispejjeż tal-operat biex isir aktar due diligence.

Fi stqarrija, il-Kelliem għall-Finanzi, Jerome Caruana Cilia f’isem il-PN qal li ż-żieda fid-due diligence waslet l-aktar minħabba l-abbużi minn persuni qrib il-Gvern Laburista li fl-aħħar snin tappnu isem pajjiżna u l-iskandli li wasslu biex il-Gvern Laburista tefa’ lil pajjiżna fil-lista l-griża tal-FATF. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ favur il-governanza tajba u proċessi serji ta’ due diligence,a jaċċettax li l-ispejjeż jintefgħu fuq in-negozji u eventwalment fuq il-konsmatur.

U fi żmien meta pajjiżna qed jiffaċċja rata dejjem togħla ta’ għoli tal-ħajja, deċiżjonijiet bħal dawn ikomplu jżidu aktar piżijiet fuq il-familji Maltin.Dawn iż-żidiet qed jiġu wkoll fi żmien fejn il-burokrazija qed tkompli tiżdied u meta qed ikun dejjem iktar diffiċli biex kumpaniji jiftħu kontijiet bankarji minħabba l-burokrazija żejda.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jara li jonqsu l-piżijiet minflok ma l-Maltin u l-Għawdxin iħallsu għall-iskandli u l-abbużi ta’ dawk qrib Kastilja.