Lokali

“Il-poplu għandu għajnejh fuq il-President” – Times of Malta

Jekk il-President ta’ Malta George Vella jiddeċiedi li jaħrab minn dmirijietu u għal darb’oħra jsiefer biex ma jiffirmax liġi oħra li ma jaqbilx magħha, ċertament li f’għajnejn il-poplu se jkun qed jidher mhux denju li jokkuppa s-siġġu li qiegħed fih.

Sostna dan l-Editur tal-ġurnal Times of Malta fejn spjega li l-kostituzzjoni hija ċara; li l-Parliament jista’ jivvota biex jitneħħa President tar-Repubblika minħabba l-inkompetenza biex iwettaq dak li huwa mistenni minnu.

Fl-editorjal jintqal li President li mingħalieh li jista’ jagħżel hu liema liġijiet jista’ jiffirma jew jaħsel idejh minnhom…ikun qed jaġixxi b’mod kompletament mhux denju ta’ bniedem li qed jokkupa dak l-uffiċċju.

It-Times tfakkar li f’Lulju – 5 xhur ilu biss – George Vella mar barra minn Malta sabiex l-Aġent President, Frank Bezzina ikun jista jiffirma liġi li Vella nnifsu ma kienx jaqbel magħha…aġir li ma jistax jerġa’ jirrepeti.

L-editur jisħaq li ma jistax ikun li l-President qed iħossu komdu jimxi b’dan il-mod. Dan filwaqt illi jfakkar li fl-2021, George Vella kien stqarr ma’ Net News li ma setgħax iwaqqaf l-eżekuttiv milli jiddeċiedi, iżda huwa nnifsu żied jgħid li jinsab fil-libertà li jekk ma jaqbilx ma abbozz ta’ liġi…jirriżenja u jitlaq d-dar.

Is-sajf li għadda l-kwistjoni kienet l-liġi tal-IVF…illum qed niddiskutu dwar it-terminazzjoni ta’ tqala…l-abort.

Iżda l-editur insista li mhux il-liġi partikolari l-problema f’dan il-każ…imma l-fatt li l-President isiefer quddiem kwalunkwe liġi li ma’ jaqbilx magħha..j.u jabdika, minflok jagħmel xogħolu.

L-editur preċiża jgħid korrettament li l-President qal kemm-il darba li se jistenna l-proċess demokratiku jitlesta qabel jieħu deċiżjoni. Dan hekk kif l-emenda li għaddiet mit-tieni vot kif imbuttata mill-Prim Ministru Robert Abela…jaf tista tiġi mibdula xorta waħda. Bil-President George Vella għadu jittama…li tinstab soluzzjoni.

Iżda jekk le, l-editur saħaq li President ta’ pajjiż li juri xettiċiżmu ċar fil-konfront tal-kredibilità ta’ Prim Ministru…jista jwassal għal konsegwenzi serjissimi.