Knisja Lokali

Isiru l-purċissjonijiet tradizzjonali bix-xbieha ta’ Ġesù Bambin

F’dawn il-jiem bosta tfal u familji qed jakkumpanjaw il-purċissjonijiet tradizzjonali tal-Milied li jsiru fl-ibliet u l-irħula taghna. Għaliex jekk qabel din it-tradizzjoni kienet strettament marbuta mal-lejl tal-Milied, illum il-purċissjonijiet bix-xbieha ta’ Gesu Bambin qed isiru fi granet differenti, fil-ġimgħa li twassal għall-festa tal-25 ta’ Dicembru.

Iżda għalkemm din l-użanza evolviet mas-snin, xorta għadha tħaddan l-elementi oriġinali ta’ meta issawret – il-kant tal-innijiet tal-Milied, it-tabelli mixgħulin bix-xemgħat, is-sehem tat-tfal, u fuq kollox ix-xbieha ta’ Ġesu fil-maxtura.

L-ewwel purċissjoni bil-Bambin kienet saret fl-1921 fil-Ħamrun, u bdiet minn xewqa li kellu San Ġorġ Preca li jiċċelebra l-Milied b’xi ħaġa speċjali biex kulħadd jifraħ fil-jum tat-twelid ta’ Ġesù tarbija.

Ħafna jirrakkuntaw li bħal San Franġisk, li ħassu mqanqal biex jagħmel l-ewwel presepju, Dun Ġorġ lejn Diċembru tas-sena 1921 ried jiċċelebra Milied speċjali u kien ħareġ b’din l-idea li ssir dimostrazzjoni bix-xbieha ta’ Ġesu’ tarbija.

Illum, 100 sena wara – din it-tradizzjoni għadha ħajja sew kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. U hija okkażjoni li jfittxuha kemm tfal u anke adulti.