Numru ta’ persuni u organizzazzjonijiet xerdu l-ferħ fost it-tfal bil-kanċer permezz ta’ rigali li ttieħdu fid-Dipartiment tal-Onkoloġija.
Fost dawk li taw ir-rigali kien hemm il-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, AnneMarie Grech flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit fejn ħasbu f’madwar 20 tifel u tifla li qed jingħataw il-kura f’Sir Anthony Mamo.
Dawn ir-rigali nġabru waqt inizzjattiva li ħa l-koordinatur ta’ Misraħ il-Milied, Robert Cutajar fejn flimkien maż-żgħażagħ tal-MŻPN ħasbu f’dawk inqas ixxurtjati minna.
AnneMarie Grech appellat biex kull min jista’, jgħin sabiex iferraħ lil dawk inqas ixxurtjati.
“Is-sabiħ tal-Milied hu li tagħti,” qalet AnneMarie Grech. “Nappella li kull min jista’ jgħin b’xi mod jew ieħor jagħmel dan biex inferħu lill-oħrajn.”
Preżenti fuq barra tad-Dipartiment kien hemm l-amministrazzjoni ta’ Puttinu Cares li kien qed jirċievi r-rigali. Net News tkellem ma’ Rennie Zerafa fejn qalilna kemm dawn ir-rigali jferħu lil dawn il-pazjenti.
“Ir-rigali jferħu ħafna lil dawn it-tfal li jkunu għaddejjin minn tbatija kbira,” qal Zerafa.
Iżda l-pazjenti jirrekjedu ferm iktar mir-rigali hekk kif numru kbir ta’ persuni jkollhom imorru barra minn Malta għal iktar kura.
“Ta’ kull xahar ikolna bejn 60 u 90 pazjent li jkollu bżonn imur barra minn Malta għall-kura,” qal Zerafa. “Issa lestejna binja f’Londra iżda baqalna ħafna iktar x’nagħmlu biex mhux biss ngħinu lill-pazjenti iżda anke lill-qraba tagħhom.”
//= $special ?>