Lokali

Jumejn qabel il-Milied 150 impjegat jispiċċaw bla xogħol

Jumejn qabel il-Milied, mal-150 ħaddiem ngħataw l-aħbar li se jitkeċċew mill-impjieg tagħhom wara li l-kumpanija Genesis Global Limited se tagħlaq b’mod permanenti l-operat tagħha f’Malta hekk kif iddikkjarat falliment.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li fl-aħħar jiem il-ħaddiema kienu qed jistennew din l-aħbar minn mument għall-ieħor wara li għadd ta’ impjegati kienu diġa ngħataw l-aħbar xejn mixtieqa bil-biża li lanqas biss kienu se jitħallsu dak li huwa dovut lilhom għal matul dan ix-xahar.

Filwaqt li ntqal li l-ħaddiema se jaħdmu l-perjodu ta’ notice sa 22 ta’ Jannar…huma ġew infurmati li l-kumpanija mhux se tkun qed tħallas l-pagi kollha inkluż l-paga ta’ Diċembru u l-paga li huma intitolati għaliha bil-liġi matul it-30 jum tan-notice.

Huma saħqu li qed jistinkaw sabiex jiġbru xi fondi sabiex joffru soluzzjoni lill-ħaddiema tagħhom.

Genesis Global Limited kienet immultata ftit inqas minn 4 miljun lira sterlina lura f’Jannar li għadda mill-Kummissjoni Brittanika kontra l-logħob tal-azzard kif ukoll sospiża għal kollox milli topera fir-Renju Unit.

Dan xejn ġdid għal din il-kumpanija hekk kif lura fl-2020 kienet diġà ġiet sospiża milli topera fir-Renju Unit madanakollu wara biss 3 xhur din is-sospensjoni tneħħiet.