Internazzjonali

L-Istati Uniti: Vittmi ta’ maltemp kważi bla preċedent, bit-temperaturi kapaċi jinżlu sa 60 grad taħt iz-zero

Ir-residenti f’diversi bnadi tal-Istati Uniti u l-Kanada jinsabu assedjati minn maltempata rari li qed tonfoh mir-reġjun tal-Artiku u meta t-twissijiet urġenti dwar il-periklu jinsabu effettivi minn kosta għall-oħra – b’mod partikulari fl-Istat ta’ Florida u fiz-zoni tal-Istati Uniti li jmissu mal-fruntiera tal-Messiku.

Il-‘weather alerts’ huma effettivi għal aktar minn 135 miljun persuna u għandhom iżommu sa tmiem il-ġimgħa. Is-sitwazzjoni qed toħloq il-problemi u l-inkonvenjenti kbar għan-nies li jixtiequ jivvjaġġaw minn Stat għall-ieħor fi żmien mill-aktar attiv għat-trasport mill-art u tal-ajru.

Fil-fatt, il-maltempata – li hi fost l-agħar li qatt laqtu lill-Istati Uniti f’aktar minn 50 sena – wasslet biex l-ajruporti ewlenin jikkanċellaw eluf ta’ titjiriet meta l-elementi kiefra, fosthom l-irwiefen bil-borra, qegħdin jiħraxu.

Is-sitwazzjoni hi tant li t-temperaturi jistgħu jinżu sa massimu ta’ 60 grad Celsius taħt iz-zero f’diversi bnadi tal-Istati Uniti. L-esperti qalu li din is-sitwazzjoni inkredibbli kapaċi twassal biex in-nies ibatu l-agħar effetti tal-frostbite u hypothermia fi kwistjoni ta’ ftit minuti biss.

Sadanittant, mijiet ta’ eluf ta’ nies madwar l-Istati Uniti qed isofru min-nuqqas ta’ dawl jew blackouts b’kaġun tal-maltempata.

L-Istati Amerikani li ġarrbu l-agħar impatt jinsabu mal-East Coast tal-Istati Uniti, bl-agħar Stati milqutin ikunu Connecticut, Georgia, South Carolina, Texas u North Carolina. Is-sitwazzjoni tad-dawl saret anki ddisprata fil-kapitali Washington, li tinsab fil-West Coast tal-Istati Uniti.

Il-Kanada, fl-istess ħin, qed tbati minn issues simili, bl-Istati tal-Lvant tagħha qegħdin ibatu l-akbar problemi tad-dawl u meta l-akbar blackouts kienu rappurtati fl-inħawi ta’ Quebec.