Lokali

Maratona ta’ 200km biex jingħataw ikliet lil persuni fil-bżonn

Ftit sigħat ‘il bogħod mill-Milied, l-atleta Steve Sammut beda maratona ta’ 200 kilometru biex jingħataw iktar minn 200 ikla lil persuni fil-bżonn matul dawn iż-żminijiet ta’ festi.

Kull kilometru li Steve ilesti jfisser persuna li se jkollha platt ikel sħun quddiemha għall-Milied li se jingħataw mill-kumpanija privata Dr. Juice… b’diversi persuni ingħaqdu ma’ dan l-atleta biex jagħmlu kilometru jew tnejn sabiex jingħataw iktar ikliet.

L-isfida ta’ Steve bdiet il-Ġimgħa fis-2 ta’ waranofsinhar u mistenni li jilħaq il-200 kilometru daqs 24 siegħa wara. Biex jagħmel din il-maratona, Steve ma kellux biss jipprepara fiżikament iżda wkoll mentalment hekk kif għajr ftit minuti ta’ serħan kull ftit sigħat, Steve qed jibqa’ jiġri bla waqfien.

L-ikliet kollha se jingħataw lis-Soup Kitchen, organizzazzjoni li tgħin lil mijiet ta’ persuni f’pajjiżna li ma jkollhomx biżżejjed flus għal platt ikel.

Is-Soup Kitchen li tinsab fil-Belt Valletta tgħin lil madwar 100 persuna kulju, filwaqt li madwar pajjiżna hawn numru ta’ organizzazzjonijiet oħra li jagħtu dan is-servizz b’xejn. Id-domanda tant hi kbira li minn Jannar li ġej, Caritas Malta se tkun qed tiftaħ soup kitchen oħra f’Tal-Virtù, ir-Rabat biex tgħin lil madwar 180 persuna kuljum.

Din hija t-tieni sena konsekuttiva li Steve qed jagħmel din l-isfida hekk kif is-sena l-oħra rnexxilu jagħti mat-80 ikla wara li rnexxilu jlesti maratona simili.

Ritratti: Martin Agius