Internazzjonali

Milied fil-ħabs għall-MEP Soċjalista Eva Kaila

Qorti fil-Belġju, il-Ħamis filgħaxija, ordnat biex l-MEP Socjalista Eva Kaili tinżamm arrestata b’rabta mal-każ tal-QatarGate – il-każ illi fih qed jiġu implikati l-Qatar u l-Marokk bħala pajjiżi li provaw jinfluwenzaw decizjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Kaili – li issa m’ghadiex Vici President tal-PE – se tinzamm il-ħabs għal xahar ieħor sakemm jibda jinstema’ dan il-każ, li fih hemm implikati personalitajiet oħrajn li għandhom rabta mal-istituzzjonijiet Ewropej.

Dan wara li l-Pulizija sabu diversi bagalji mimlija bi flus cash; bl-akkuża tkun li s-Socjalista u sħabha kienu qed jinxtraw.

Il-Qorti tal-Belġju ċaħdet it-talba tal-avukati ta’ Eva Kaili biex hi toħroġ għal żmien il-festi u jagħmlulha tag elettornika. Fil-fatt, il-Qorti kienet ċara ħafna u qalet li l-MEP Socjalista ghandha tinzamm taħt arrest.

L-assi ta’ Kaili spiċċaw iffriżati mill-awtoritajiet Griegi waqt li l-avukat tal-MEP qed jiċħad li hi kellha x’taqsam ‘mat-tixħim mill-Qatar’.

Minn dakinar tal-arrest ta’ Eva Kaili, il-Pulizija Belġjana wettqet diversi tfittxijiet f’numru ta’ lokalitajiet minfejn elevat ‘il fuq minn 1.5 miljun ewro fi flus kontanti.

Fl-istess ħin, saru t-tfittxijiet fl-Italja, fejn kienu jgħixu il-mara ta’ Panzeri, eks MEP implikat f’dan l-iskandlu. Bl-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA tirrapporta li l-Belġju qed ifittex l-estradizzjoni tal-mara tieghu u binthom.