Mara residenti Birkirkara, magħrufa sew mal-Pulizija u li kienet ġiet ikkundannata tmien snin ħabs wara li nstabet ħatja li wettqet serqa bi vjolenza flimkien ma’ persuna oħra kienu sawwtu anzjana f’Tas-Sliema b’ganċ f’Mejju tal-2019 ingħatat il-ħelsien mill-arrest mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li kienet appellat mis-sentenza, iżda nżammet il-ħabs.
Hija kienet nstabet ħatja flimkien ma’ eks Pulizija fuq serq vjolenti wara li sawwtu lil mara b’ganċ tal-irmonk tal-metall ta’ 19-il ċentimetru u kissru driegħha minn tliet postijiet. Miriam Elabed ta’ 30 sena mix-Xghajra u Ramon Abela ta’ 46 sena minn Bormla kienu t-tnejn inizjalment wieġbu mhux ħatja għal akkużi ta’ serq aggravat, ġrieħi gravi per durata, meta tressqu l-Qorti f’Settembru 2019, bit-tnejn jinstabu ħatja.
Elabed waħedha kienet akkużata wkoll li kisret sentenza sospiża li kienet irċeviet fl-2017 b’rabta ma’ serq ieħor. Il-Qorti kienet semgħet lill-vittma, mara mill-Maċedonja, tixhed kif kienet miexja lejn id-dar f’Tas-Sliema tard bil-lejl meta minn maġenba għaddiet karozza griża.
Raġel minn ġewwa l-karozza kien beda jgħajjtilha biex tgħaddilu l-handbag li kienet qed iġġorr fuq driegħa tal-lemin. Hija rrifjutat li tagħtih l-handbag, fejn kienet iżomm l-passaport tagħha, u bdiet tgħajjat għall-għajnuna. Ir-raġel kien imbagħad ripetutament beda jagħtiha b’tip ta’ ħadida tal-metall” u dan peress li ma bdietx iċedi l-handbag.
Il-vittma sofriet ġrieħi gravi bħala riżultat tal-aggressjoni, fosthom ponti f’rasha u driegħ miksur. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet ntwerwiet filmati CCTV tal-attakk vjolenti, li juru lill-vittma tintefa’ mal-art u taqla’ numru ta’ daqqiet bla ħniena fuq rasha, wiċċha u jdejha.
Wara li ħadulha l-basket, l-aggressuri kienu saqu b’karozza Mercedes. Il-mara feruta marret lejn id-dar ta’ binha. Hija kienet misjuqa lejn l-Isptar San Ġakbu u wara ġiet trasferita l-Isptar Mater Dei għall-kura. Sussegwentement il-Pulizija kienet arrestat liż-żewġ akkużati wara li ġew identifikati mill-filmati u provi oħra.
Waqt l-interrogazzjoni tagħhom, Elabed u Abela ikkonfermaw it-tnejn li huma kienu flimkien fil-ħin tal-inċident, iżda kienu waħħlu f’xulxin għar-reati vjolenti, bit-tnejn li huma jsostnu li kienu fuq is-seat tax-xufier. Il-Qorti nnutat kif imbagħad kienu xtraw id-droga bis-€70 flus kontanti li kienu sabu fil-handbag tal-mara.
Il-vittma tagħhom dak inhar kienet miexja tul Triq Manwel Dimech f’Tas-Sliema meta aggressur minnhom liebes kappa ċara marret minn warajha u beda’ jgħajjat: “agħtini l-baskett”, liema persuna aktar tard deskritt bħala persuna “ta’ kostruzzjoni maskili”, ħataf il-handbag tal-vittma, u kaxkar lill-vittma tul it-triq kollha lejn in-naħa tal-passiġġier tal-vettura tal-Mercedes Class C li kienet bil-fanali ta’ quddiem mitfija.
Filmati tas-CCTV, kif ukoll provi oħra mix-xena tad-delitt, wasslu għall-arrest tal-koppja li ġew akkużati b’serq aggravat kif ukoll li weġġgħu lill-vittma jew li kkaġunawlu disabilità tal-moħħ. It-tnejn ġew akkużati separatament li saru reċedivi, filwaqt li Elabed kienet akkużata ukoll li wettqet l-allegati reati matul it-terminu operattiv ta’ sentenza sospiża.
Wara s-serqa, huma xtraw id-droga bil-flus li kienu sabu f’kartiera żgħira ħamra ġewwa l-handbag, flimkien mal-mobile tal-vittma, passaport Maċedonjan u ċekk. Il-mobile aktar tard instab minn terza persuna fil-Balluta u ngħata f’idejn il-pulizija. Abela kien eskorta lill-investigaturi lejn Bormla, u indika skip fejn ġew mormija oġġetti oħra, fosthom il-handbag u l-kartiera, iċ-ċavetta tad-dar tal-vittma u l-ganċ tal-metall użat fl-attakk.
Analiżi tad-DNA ta’ sustanza ħamranija misjuba fuq waħda mill-mirja tal-karozzi wriet li taqbel mad-demm tal-vittma. Meta tat is-sentenza l-qorti, ippreseduta mill-maġistrat Donatella Frendo Dimech, qalet li l-provi mressqa mill-prosekuzzjoni taw ħarsa inekwivokabbli tal-irwoli taż-żewġ akkużati. Elabed kienet “l-aggressur inumana, ħarxa u krudili” nieqsa minn kull sens ta’ moralità li attakkat lill-vittma miskina bla ħniena.
L-Imħallef Giovanni Griscti laqa’ t-talba ta’ Elabed bil-kundizzjoni li tidher għal kull att tal-proċess fid-data, lok u ħin li jkunu lilha ordnat mill-Qorti, li ma ssifirx jew tinħeba u li ma tkun fuq ebda mezz ta’ trasport bl-ajru jew bil-baħar inkluż il-mezz ta’ trasport lejn Għawdex, li ma tikkonumikax max-xhieda tal-Prosekuzzjoni direttatment jew indirettament u b’kull mezz inkluż, izda mhux limitat, għall-mezzi eletroniċi, media soċjali u permezz ta persuni oħra.
Ordnijiet oħra kienu li ma tikkommettix delitt ieħor ta’ natura volontarja waqt li tkun meħlusa mill-arrest, li tirrapporta fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Gimgħa bejn il-5:00 pm u t-8:00 pm b’dan illi jekk
ma tkunx tista’ tirrapporta, ghandha tibgħat ċertifikat mediku fi żmien 12-il siegħa mill-ħin li fih qed tkun
obbligata li tirrapporta.
Hija kienet ordnata wkoll mill-Qorti li tkun tirrisjedi fl-indirizz 54. Mannarino Road, Birkirkara u ma tistax tibdel ir-residenza tagħha hlief bil-permess tal-Qorti, li tirtira f’dan l-indirizz mhux iżjed tard mill-10:00 pm u ma toħroġx minn hemm qabel is-6.00am. ta’ l-ghada filgħodu.
Kif ukollli tiddepożita il-karta tal-identita’ u l-passaport tagħha fir-reġistru tal-Qorti u li tagħmel tajjeb għal dan il-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000 u f’każ li tikser waħda jew aktar minn wahda minn dawn l-obbligazzjonijiet titlef ilħbenefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, jinħareġ mandat ta’ arrest kontra tagħha u s-somma totali ta’ €3,000 tgħaddi favur il-Gvern ta’ Malta, skond ma jingħad fl-artikolu 579 tal-Kodiċi Kriminali li l-indirizz appena indikat iservi bħala l-indirizz ghal fini ta’ notifika f’dawn il-proċeduri. Għal Elabed qed jidher l-Avukat David Gatt.
//= $special ?>