Futbol Sport

Titħabbar il-mewt ta’ George Cohen

Id-Dinja tal-futbol, partikolarment id-dinja tal-futbol Ingliża rċeviet aħbar kerha dalgħodu hekk kif ġiet ikkonfermata l-mewt tal-eks difensur laterali George Cohen ta’ 83 sena.

George Cohen kien protagonista għat-tim nazzjonali Ingliż fl-1966, fejn lagħab kull minuta ta’ kull partita fit-Tazza tad-Dinja, li eventwalment rebħu. Barra minnhekk Cohen kien ukoll inkarigat bħala vice captain tat-tim Ingliż għall-finali kontra l-Ġermanja tal-Punent. Cohen lagħab total ta’ 37 logħba għat-tim nazzjonali Ingliż.

Cohen qatta’ l-karriera kollha tiegħu jilgħab ma’ Fulham, f’13-il sena, Cohen lagħab 459 partita mal-Cottagers. Barra li kien meqjus bħala ikona għat-tim Ingliż, kien ukoll meqjus bħala ikona għall-partitarji tal-Fulham u għall-klabb kollhu, tant kemm hu hekk li fl-2016 ġiet żveljata statwa ta’ Cohen f’Craven Cottage sabiex jikkommemoraw il-plejer kif ukoll biex ifakkru l-50 sena minn meta l-Ingilterra rebħu t-Tazza tad-Dinja. Sussegwentament, it-tim amministrattiv ideċieda li jsemmu l-faċilitajiet tal-ospitalita’ għalih.

Cohen ingħata l-premju tal-MBE fl-2000, fejn kien wieħed mill-erba’ plejers li ntgħażel għal dan il-premju li jikkommemora r-rebħa speċjali tat-Tazza tad-Dinja tal-1966.