Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuela Scerri Herrera laqgħet żewġ eċċezzjonijiet ta’ qabel il-ġuri li għamel Keith Cremona ta’ 33 sena mill-Belt Valletta li s-sena d-dieħla mistenni jiffaċċa ġurija fuq każ ta’ serqa bi vjolenza fil-konfront ta’ anzjana ta’ 69 sena.
Il-Qorti ordnat it-tneħħija ta’ l-istqarrija li Cremona kien ta lill-Pulizija u tneħħiet ukoll l-akkuża tar-reċidiva. Cremona qed jiġi akkużat li 16-il sena ilu, meta kien fil-preżenza ta’ żewġ irġiel oħra mhux biss wettqu is-serqa lill-anzjana, iżda li aggredewha wkoll.
Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ l-isfilz tal-istqarrija rilaxxata mill-akkuzat fit-30 ta’ Mejju tas-sena 2012 u kull referenza ghaliha matul il-proċess tal-ġuri, peress li din ma ttieħditx b’mod regolari u dan skont diversi ġurisprudenza kemm lokali kif ukoll sentenzi barranin.
Dan ghaliex in-nuqqas tad-dritt għal preżenza ta’ avukat tal-fiduċja tiegħu waqt l-interrogatorju jċaħħad d-dritt tal-persuna arrestata, kif imnaqqxa fl-artikoli 6(3)(c) tal-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet talBniedem u l-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Il-Qorti laqgħet ukoll it-talba li jiġu sfilzati mill-proċess sentenzi esebiti tas-7 ta’ Jannar tas-sena 2010 u u 20 ta’ Settembru tas-sena 2016, għaliex dawn jikkonċernaw reati li saru wara l-allegat reat li Cremona se jgħaddi ġuri dwaru u allegat l-akkuża ta’ reċidiva ma treġix,
Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li Keith Cremona u sħabu kienu ċemplu l-qanpiena tad-dar tal-anzjana, u malli hija fetħet il-bieb ta’ barra huma mbuttawha għal ġewwa u għalqu l-bieb warajhom. Huma tefgħuhua ma’ l-art, ippuntaw is-senter lejha, u bdew jitolbuha l-flus. Hija qaltilhom li flus ma kellhiex, pero’, biex teħles mill-qilla tagħhom, offrietilhom id-deheb li kellha.
Minkejja dan skont il-Prosekuzzjoni, Cremona u sħabu nsistew li huma ma riedux deheb iżda riedu flus kontanti. Kif raw lill-vittma ma kienitx se tagħtihom flus, Cremona allegatament beda’ jsawwatha filwaqt li sħabu bdew ifittxu u jqallbu fid-dar.
Cremona, qalet il-Prosekuzzjoni kaxkar lill-anzjana ma’ l-art mill-kuritur sal-kċina, fejn, x’ħin wasal fil-kċina qabad telefon ‘cordless’ tagħha u taha daqqa bih fuq moħħha, tant li qasmilha moħħha. Barra minn hekk lwielha dirgħajha b’tant forza u kefrija li qalgħalha l-ġog ta’ l-ispalla minn postu!
Waqt li kienet muġugħa, storduta u bid-demm ħiereġ minn moħħha, Keith Cremona u sħabu fetħu u qallbu l-għamara, inkluż gradenza, vetrina, sideboard, skrivanija, u senduq li kien hemm fil-kuritur; F’din it-tfittxija l-akkużat u sħabu sabu portmoni żgħir li fih l-anzjana kellha mwarrbin bejn Lm 200 u Lm 250 (ċirka 550 ewro).
Malli sabu dawn il-flus, l-akkużat u sħabu ħarbu jiġru ‘l barra; Minkejja li kienet muġugħa, storduta u bid-demm ħiereġ minn moħħha, l-anzjana rnexxielha toħroġ sal-parapett tad-dar tagħha fejn bdiet tgħajjat għall-ajjut. Pero’ bejn bl-uġieħ u bejn bl-isturdament, hija waqgħet ma’ l-art u ntilfet minn sensiha fil-parapett.
B’xorti tajba xi ġirien laħqu semgħu l-għajjat tagħha u minnufih ċemplu lill-Pulizija kif ukoll Ambulanza, li ħadet lill-anzjana l-Isptar San Luqa. Hemmhekk instab li kellha tiċrita fuq moħħha tant li kellha bżonn il-punti, kellha spallitha maqlugħa mill-ġog, kellha ligament ta’ l-irkoppa mċarrat, kellha xi tbenġil, kif ukoll ‘mild concussion’. Dawn il-ġrieħi kienu klassifikati bħala gravi.
Cremona kien tressaq il-Qorti fl-aħħar ta’ Mejju tal-2012 fejn il-Prosekuzzjoni kienet qalet li nformazzjoni kunfidenzjali mgħoddija lill-pulizija wasslet biex jiġi akkużat bis-serqa. L-Ispettur Michael Mallia kien qal li fil-Qorti li matul is-snin mis-serqa, il-pulizija qatt ma ssuspettat l-involviment ta’ Keith Cremona iżda informazzjoni kunfidenzjali li l-Pulizija rċeviet wasslet biex jiċċekkjaw il-marki tas-swaba’ u qabblu ma’ dawk ta’ Cremona.
Is-serqa kienet seħħet fl-20 ta’ Lulju, 2005 għall-ħabta tad-9am f’San Ġiljan. Cremona, li qed jiġi mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi fuq l-anzjana. Huwa dejjem ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih. F’Ottubru li għadda kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. L-imputat kien qal li fil-ħabs huwa bidel ħajtu għal ahjar u ħadem bhala mastrudaxxa ġewwa l-istesss Faċilità Korrettiva.
Il-Qorti kienet laqgġet ir-rikors ippreżentat mill-Avukati ta’ Cremona u ordnatlu joqgħod taħt diversi kundizzjonijiet li jinkludu li jirrisejdi fir-residenza tiegħu ma’ nannuh, li jiddepożita is-somma ta’ €3,000 flimkien mal-€5,000, li ma jkellimx ix-xhieda tal-prosekuzzjoni, li jiffirma l-għassa tal-Belt Valletta darbtejn kuljum bejn it-8.00am. u 12.00p.m u bejn it-3.0p.m u is-7.00p.m. u li jirrinkaża ruħu d-dar fit-8.30 p.m u ma johrogx qabel l-ghada fis-7.30 a.m. Għalih qegħdin jidhru l-Avukati David Gatt u Franco Debono.
//= $special ?>