Edukazzjoni Lokali

AĠĠORNATA: Żewġ studenti ta’ 12-il sena sospiżi wara li ffastidjaw tifla ta’ 11-il sena

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni fetaħ inkjesta dwar allegat każ ta’ fastidju sesswali fuq studenta ta’ 11-il sena illi seħħ fi skola tal-Gvern.

Jidher li fil-każ hemm involuti żewġ studenti subien, li preżentament jinsabu sospiżi mill-iskola. Dawn iż-żewġ studenti li allegatament qabdu lil din it-tifla, għandhom 12-il sena.

Qed ikun rappurtat li dan kollu ġara fil-klassi, għalkemm għadu mhux ċar kemm ilu li seħħ il-każ.

It-Times qed tirrapporta li l-każ inġieb għall-attenzjoni tal-awtoritajiet edukattivi nhar it-Tlieta, u sar anke rapport lill-Pulizija – fatt li ġie konfermat lil Net News minn kelliem għall-Korp tal-Pulizija.

Sa issa, l-Ministeru tal-Edukazzjoni għadu ma ħareġ ebda stqarrija uffiċjali.

Skont informazzjoni li s’issa għadha ma ġietx konfermata, il-każ jidher li seħħ fil-bidu tal-ġurnata bejn is-7am u t-8am meta l-istudenti jkunu bdew jaslu l-iskola iżda jkunu għadhom ma bdewx il-lezzjonijiet. Bir-rapporti jindikaw li ż-żewġ subien qabdu lit-tifla fil-klassi, meta l-għalliema u l-LSEs jkunu għadhom fil-kuruturi u fuq barra.

Jidher li malli l-iskola partikolari saret taf b’dak li seħħ, sejħu mal-ewwel il-ġenituri tas-subien. U wara li qalulhom bl-allegazzjonijiet li kienu qed jaffaċjaw uliedhom, l-istudenti ġew sospiżi b’mod indefinit.

L-iskola sejħet ukoll il-guidance teacher u l-għalliema tal-PSD biex jagħtu s-sostenn meħtieġ.