Edukazzjoni Lokali

AĠĠORNATA: Żvelat każ ta’ żewġt itfal abbandunati mill-ġenituri; bla ikel u riħa ta’ awrina

Ir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir, f’isem il-kollegi tal-iskola primarja, appella lill-Prim Ministru biex jintervjeni qabel il-Milied sabiex żewġt itfal jingħataw kenn alternattiv minnufih. Dan minħabba li dawn it-tfal jinsabu fi stat ta’ abbandun fil-familja tagħhom u qed jiġu trattati ħażin ħafna mill-ġenituri tagħhom.

Ir-rettur Aaron Zahra kkonferma li saru diversi rapporti kemm mis-social worker tas-segretarjat tal-iskejjel tal-Knisja, mis-service manager tal-istess segretarjat, u minn naħa tiegħu bħala rettur tal-kulleġġ lill-Appoġġ, CPS, u saħansitra nhar l-Erbgħa 7 ta’ Diċembru hu stess mar id-Depot (Sezzjoni Vjolenza Domestika) fejn għamel rapport uffiċċjali lill-Pulizija.

Fir-rapport mgħoddi lill-awtoritajiet, Patri Aaron jispjega li dawn it-tfal ilhom għaddejin minn trattament ħażin fid-dar mill-inqas tul dawn l-aħħar 4 xhur. Imorru l-iskola bla ikel, b’riħa ta’ awrina, ħwejjeġ mhux mibdula u saħansitra jibdew jibżgħu imorru lura d-dar.

Jidher li dawn it-tfal qegħdin jiġu msakkra f’kamra vojta, bla ġugarelli, soddod etc.

Meta jmorru l-iskola jkollhom ġuħ kbir u “timpressjona ruħek kif iġibu ruħhom meta jingħataw l-ikel”.

Is-sitwazzjoni hija trawma kbira wkoll għal dawk li qed jaħdmu mill-qrib ta’ dawn it-tfal u ma kinitx faċli għalihom li jħabbtu wiċċhom ma’ din ir-realtà.

Patri Aaron jgħid li kienet ta’ qsim il-qalb għalih li t-tifla ta’ 7 snin qaltlu “I am afraid to go home because of my mummy”. Għalkemm beda l-proċess professjonali ħafna mill-awtoritajiet ikkonċernati biex dawn it-tfal jittieħdu mid-dar, Patri Aaron u l-kollegi tiegħu jinsabu inkwetati ħafna li dawn it-tfal se jqattgħu il-Milied maqfulin f’kamra waħidhom u mingħajr il-bżonnijiet bażiċi.

Jemmnu li għandha tittieħed azzjoni mmedjata biex dawn it-tfal jgħixu l-Milied b’mod dinjituż u xieraq.

Ir-Rettur qed jappella biex bl-intervent tal-awtoritajiet kompetenti, jingħata l-isbaħ rigal tal-Milied lil dawn it-tfal billi jkunu f’post sikur u addattat għalihom. Jittamaw wkoll li ssir ġustizzja ma’ dawn it-tfal.

Bi tweġiba għal dan kollu, l-FSWS qalet li filwaqt li qed issegwi dawn ir-rapporti, qed issir ħidma biex it-tfal ma jibqgħux fid-dar li jinsabu fiha bħalissa… għalkemm dan jidher li se jseħħ fil-jiem li ġejjin.

L-FSWS qalet li placement diġa’ nstab iżda it-tranżazzjoni għadha ma saritx. Huma qalu li r-Rettur kien mgħarraf dwar dan għalkemm xorta għażel li joħroġ l-istqarrija tiegħu. Kien għalhekk li appellaw biex wieħed, f’każ ta’ dawn is-sitwazzjonijiet, jitħallew għall-investigazzjoni u l-ħidma tal-professjonisti responsabbli meta jsiru rapporti ta’ dan it-tip.