Ara hawnhekk il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna għal dan il-Milied:
“Din is‑sena xtaqt li nwassal il‑messaġġ għal dawn il‑jiem qaddisa tal‑Milied minn knisja ċkejkna, imma għażiża ħafna għalina l‑Maltin u l‑Għawdxin. Qiegħed fil‑knisja tal‑Griegi, kif nafuha, fi Triq l‑Arċisqof il‑Belt Valletta, mhux ’il bogħod, anzi ftit passi ’l bogħod mill‑Palazz tal‑Gran Mastru, is‑sede uffiċjali tal‑President tar‑Repubblika.
F’din il‑knisja, li hi afdata lill‑komunità tal‑Griegi Kattoliċi Maltin, għandna ikona prezzjuża ħafna li ilha fostna mill‑1530, kważi 500 sena u ġabuha l‑Kavallieri magħhom, ġabitha familja li ġiet mal‑Kavallieri mill‑gżira Griega ta’ Rodi. Din l‑ikona magħrufa bħala Sidtna Marija ta’ Damasku jew ‘id‑Damaxxena’ li nkitbet madwar 900 sena ilu. Nixtieq li kull min ikun għaddej il‑Belt u jsib il‑knisja miftuħa, jidħol u jinvista ’l din ix‑xbieha sabiħa tal‑omm bit‑tifel tagħha Ġesù jgħannaq ’il ommu. Jiena taffaxxinani ħafna din l‑ikona ta’ Sidtna Marija Damaxxena, it‑tgħanniqa tal‑Bambin ma’ ommu Marija, kważi mhux biss iħaddanha imma propju jrid li ma taħrablux ommu u hi t‑tħaddina tal‑għożża, tat‑tenerezza.
Il‑Papa Franġisku, meta kien fostna, kellimna mhux biss bil‑fomm imma anke bil‑ġesti tiegħu dwar l‑istil tal‑Evanġelju, l‑istil ta’ ħniena, ta’ tenerezza, ta’ għożża imma anke ta’ viċinanza. Din l‑ikona sabiħa tal‑Madonna Damaxxena b’xi mod tesprimi dan l‑istil tal‑Evanġelju. Il‑Madonna b’għajnejha kbar qed tħares lejna u tistedinna biex ma niddejqux nersqu lejn Binha. Imma Binha qed iħaddan l‑omm bħal kull tarbija li tfittex l‑għożża, il‑kenn, il‑faraġ fl‑omm.
Fil‑jiem tal‑Milied nixieq nawgura lil kull wieħed u waħda minna l‑esperjenza sabiħa li nersqu lejn il‑Mulej li jiġbidna lejh bi rbit ta’ mħabba u ta’ ħniena: “Bi mħabba kbira ħennejt għalik”. Din il‑kelma sabiħa li jagħtina l‑profeta Iżaija tesprimi wkoll il‑misteru kbir li qegħdin niċċelebraw lil hemm mix‑xinxilli, mid‑dwal, mit‑tiżjin, mill‑festini. Ejjew dan il‑lejl qaddis, dan il‑jum qaddis niftakru fl‑għożża tat‑tħaddina tal‑ħniena ma’ Alla u nużaw ukoll l‑għożża ma’ xulxin.
Nixtieq ukoll infakkar f’dan il‑messaġġ qasir tiegħi din is‑sena f’ċentinarju għażiż u importanti għalina l‑Maltin u l‑Għawdxin. Kien is‑27 ta’ Diċembru 1922, propju 100 sena ilu, meta ndaqq għall‑ewwel darba fit‑Teatru Manoel l‑Innu Malti, kompożizzjoni mużikali ta’ Robert Samut, imma wkoll bil‑kliem meqjus u għażiż din it‑talba li tana l‑poeta nazzjonali Dun Karm.
Nixtieq nitlob fuq Malta tagħna li l‑Mulej ikompli jħares lejna b’ħarsa ta’ ħniena, li niftakru fil‑ħlewwa ta’ Malta. Wara kollox dawn il‑kelmiet ‘ħarsien’ u ‘ħlewwa’ jfakkru fl‑etimoloġija, fit‑tifsira tal‑kelma ‘Malta’. Malta li ġejja mill‑għasel u l‑ħlewwa tal‑għasel, kemm hu tajjeb li jkollna l‑istess ħlewwa għal xulxin anke meta ma naqblux bejnietna. Niftakru li ommna li tatna isimha, hi art ta’ ħlewwa, art ħelwa.
U lill‑Mulej nitolbuh jiftakar li dejjem ħares lil Malta, mhux biss ħares lejna b’ħarsa ta’ ħniena imma ħarisna. Aħna konna minn dejjem refuġju. Kelma oħra tat‑tifsira ta’ Malta hi li huwa post ta’ kenn, post ta’ ħarsien bħalma jrid ikun ukoll il‑ġuf tal‑omm: post ta’ ħarsien. U nitolbu li l‑Mulej mhux biss ifakkarna li libbes lilna lil Malta tagħna bid‑dawl ħelu, bl‑oħla dawl tal‑kelma tiegħu u tal‑Evanġelju permezz tal‑Appostlu Missierna San Pawl, imma nitolbuh jagħti dehen lill‑Maltin, jagħti saħħa, jagħti ħniena. Fuq kollox jagħti d‑don tal‑għaqda.
Jiena u ningħaqad magħkom biex infakkar l‑ewwel ċentinarju tal‑Innu Malti ningħaqad ukoll mal‑poplu tagħna biex lil Alla nitolbuh kull barka fuq pajjiżna. U jiena wkoll nixtiqilkom u nawguralkom sena ta’ għożża, ta’ ħniena, ta’ viċinanza lejn xulxin taħt id‑dell sabiħ tal‑ħarsa tal‑ omm ta’ Ġesù, tal‑omm tal‑għożża, it‑tenerezza, omm tal‑ħniena.
Nixtieq nagħmel tislima partikolari lill-Maltin u l-Għawdxin li jinsabu jgħixu residenti jew emigrati f’pajjiżi barra minn xtutna. Mhux biss it-tislima tiegħi hi tislima ta’ wieħed minn ħutkom, imma wkoll ta’ Malti bħalkom li ma nistgħux ninsew l-għeruq tagħna.
Waqt li qegħdin infakkru l-ewwel ċentinarju tal-Innu Malti, ejjew niftakru f’din l-art ħelwa li tatna isimha. Niftakru wkoll f’dak id-dawl li biha l-Mulej libbisha. U nagħmlu li l-isem tagħna l-Maltin u l-Għawdxin ikun dejjem isem li jġibilna unur, li jkun preżenza sabiħa fid-dinja. Minkejja ċ-ċokon tagħna, aħna għandna wkoll is-sejħa li fil-familja tal-umanità nkunu preżenza ta’ ħarsien u ta’ ħlewwa.
Mill-qalb nawgurawlkom Milied hieni u sena mimlija risq u barka.”
//= $special ?>