Lokali

“Il-poplu Malti għandu qalb kbira” – Bernard Grech

L-għaqda tfisser li ningħaqdu kontra kull inġustizzja. Ningħaqdu u niġġieldu kontra l-femiċidju. Ningħaqdu biex niġġieldu kontra l-qtil tat-trabi qabel jitwieldu. L-għaqda ma tfissirx li għandna niġġieldu ma’ xulxin, imma tfisser li nissieltu GĦAL xulxin.

Dan huwa l-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għal Jum il-Milied …fejn tkellem fit-tul dwar is-sinifikat veru ta’ dan iż-żmien tas-sena.

F’dan il-Milied, niftakru wkoll, b’mod partikolari, f’dawk il-persuni – fil-biċċa l-kbira nisa – li jsofru l-vjolenza fid-djar tagħhom … vjolenza li anke twassal tista’ għall-mewt.

Il-Kap tal-PN sellem lil dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż fl-aħħar xhur, u qal li mhux faċli li wieħed jawgura l-Milied it-Tajjeb lil dawn in-nies li jkunu qed ifittxu l-faraġ. U hawn fakkar kif anke l-familja tiegħu għaddiet minn telfa meta ġarrbet il-mewt ta’ missieru.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech semma’ wkoll kif fl-aħħar ġimgħat spiċċajna niddiskutu dwar kif se ntemmu l-ħajja … u mhux kif se nsalvawha.  B’referenza ċara għal-liġi tal-abort li spiccat ġabet magħha kontroversja sħiħa fuq bażi nazzjonali.

Niftakru fin-nisa li jkollhom tqala diffiċli, fin-nisa li ċ-ċirkostanzi tal-ħajja jimbuttawhom biex ifittxu l-abort, fin-nisa li ma jistgħux ikollhom tfal. Il-Milied ikun żmien diffiċli għalihom. Dawn in-nisa jistennew bi dritt li s-soċjetà u l-Istat jgħinuhom fid-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom. Iżda l-għajnuna li nagħtuhom għandha tkun għajnuna li sseddaq il-ħajja mhux teqridha.

Bernard Grech semma’ wkoll li fl-Ewropa hemm min qed ifittex li jkun indipendenti, meħlus minn kull theddida li ħajtu se tkun meqruda…. bil-battalja fl-Ukrajna tkun il-qofol ta’ dan l-eżempju.

ll-Kap tal-PN kompla li f’dan il-Milied ma tistax iżżomm sieket, għax is-skiet jaf jilbes libsa tal-paċi, imma fir-realtà jkun qed jaqdi l-funzjoni ta’ inġustizzja. 

F’dan il-Milied, a]na ilkoll nixtiequ l-għaqda u l-paci. Izda m’hemmx għaqda mingħajr ġustizzja. L-għaqda ma tfissirx inżommu s-skiet. Is-skiet jaf jilbes il-libsa tal-għaqda u l-paċi, imma fil-verità, ikun strument tal-firda u l-inġustizzji soċjali.

F’dan il-messaġġ li wassal minn Għawdex, il-Kap tal-PN insista li l-poplu tagħna għandu qalb kbira, u appella biex f’dan il-Milied ma nħallu lil ħadd waħdu.