Sport Sport Ieħor

Kickboxing: Ir-rebħa ta’ Adam Laamoz fit-Tajlandja fost is-suċċessi ta’ Team Noel

F’Novembru li għadda Team Noel kien mistieden jirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni internazzjonali tal-kickboxing f’Galway, l-Irlanda.

F’dan l avventiment, il-kickboxers Maltin kisbu suċċess meta rebħu 5 minn 12-il ġlieda u draw 1 kontra avversarji mill-għażla Irlandiża.

Il-kontinġent Malti kiem iffurmat minn total ta’ 12-il persuna fosthom kowċis, cornermen, helpers, u tnax-il kickboxer, mill-klabbs Team Noel tal-Fgura, Ħal Għaxaq u l-Qawra.

Taħt is-superviżjoni ta’ Master Noel Mercieca innifsu u l-assistenti kowċis tiegħu bħall ġellied veteran Daniel Zahra, Sabo Terence Cilia u Sabo Alex Horvath, il-ġellieda Maltin ikkompetew f’diversi livelli għoljin ta’ ġlied li jinkludu Amateur, u Semi-Pro fights.

Minħabba f’hekk, l-għażla Maltija varjat minn kickboxers żgħażagħ sa adulti, li wħud minnhom kienu qed jiddebuttaw fir-ring għall-ewwel darba. Fost l-oħrajn kien hemm ukoll il-kickboxers Maltin ta’ esperjenza bħall-ġelliedha semi-Pro Celeste Galea kif ukoll iċ-champion Ewropew tal-WKN Pro Justin Pace.

Master Noel Mercieca esprima l-ammirazzjoni tiegħu għad-dedikazzjoni u l-prestazzjoni eċċellenti tal-istudenti tiegħu f’kompetizzjoni bħal din kontra kompetituri ta’ livell daqstant għoli. Semma wkoll kif din il-kompetizzjoni għenet lill-istudenti tiegħu jtejbu l-kunfidenza tagħhom sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom bi tħejjija u preparazzjoni għal kompetizzjonijiet futuri.
F’intervista separata, Master Noel Mercieca wkoll irrikonoxxa u faħħar is-suċċess tal- ġellied Adam Laamouz għas-suċċess li kiseb fuq livell personali barra minn Malta.

Bħala ambaxxatur Malti kif ukoll jirrappreżenta lill-klabb tat-Team Noel, Adam Laamouz daħal fl-istorja bħala l-ewwel ġellied Malti tal-Muay Thai li kkompeta u rebaħ fit-Tajlandja kontra ġellied Tajlandiż professjonali b’aktar minn 65 ġlieda.

Adam Laamoz ilu jitħarreġ għal dawn l-aħħar sentejn mal-klabb ta’ Team Noel, kif ukoll jipparteċipa kontinwament f’kampijiet ta’ taħriġ barra minn Malta fosthom fit-Tajlandja.

Master Noel Mercieca kkonferma li dan is-suċċess huwa frott il-mertu tar-riżultat tal-impenn u d- dedikazzjoni kontinwa ta’ Adam Laamoz innifsu lejn dan l-isport.