Lokali

“Ejjew inħobbu lil xulxin u mhux neqirdu l-ħajja” – Mons. Anton Teuma

Fil-messaġġ tiegħu għall-Milied, l-Isqof t’Għawdex, Monsinjur Anton Teuma appella biex kull persuna twassal l-imħabba lejn l-oħrajn u mhux biss naħsbu fina nfusna.

Tul il-messaġġ tiegħu, Anton Teuma fakkar kif wieħed għandu jissagrifika ftit lilu nnifsu mil-libertà biex jagħti l-ħajja lil dawk li għad m’għandhomx libertà fil-ġuf tal-omm.

“Filwaqt li qed niċċelebraw it-twelid ta’ tarbija, aktarx li pajjiżna qed iħejji biex issir ċimiterju ta’ nies mhux vijabbli u ta’ tfal dgħajfa,” qal Anton Teuma.

Huwa qal li f’pajjiżna m’hemmx bżonn issir liġi biex tipproteġi lill-omm jew lit-tarbija għaliex it-tobba dejjem ħadu d-deċiżjoni t-tajba biex jipproteġu liż-żewġ partijiet involuti. Jekk tidħol din il-liġi, kompla jgħid il-Monsinjur, din tkun ta’ insult għat-tobba tagħna.

Monsinjur Teuma temm billi qal li għandna naħsbu f’dak li huwa l-aħjar għal kulħadd u mhux biss għal ftit jew għal dawk fil-poter.