Il-barka tradizzjonali tal-Papa Franġisku minn Piazza San Pietru f’Ruma hija tfakkira tal-valuri tal-Knisja u eżortazzjoni qawwija għall-paċi.
“Jalla l-Mulej Ġesù, imwieled mill-Verġni Marija, iġib lilkom l-imħabba kollha ta’ Alla, għajn ta’ fiduċja u tama; u jġib flimkien id-don tal-paċi, li l-anġli ħabbru lir-rgħajja ta’ Betlehem: Glorja lil Alla fl-għoli. tas-sema u l-paċi fuq l-art lill-bnedmin li Hu jħobb.” Hekk beda l-Papa Franġisku fil-messaġġ tal-Milied “Urbi et Orbi”.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika fakkar fl-oriġini umli tal-Messija, imwieled fil-bard, fqir fost il-foqra. U fakkar lil kulħadd fl-importanza ta’ jum il-Milied biex irawwem l-ispirtu: “Ejjew negħlbu t-tnemnim ta’ l-irqad spiritwali u x-xbihat foloz taċ-ċelebrazzjoni li jġegħluna ninsew lil min vera qed niċċelebraw. Ejjew noħorġu mill-aljenazzjoni li twassalna biex inħejju dekorazzjonijiet u rigali aktar milli nikkontemplaw l-avveniment: li l-Iben t’ Alla twieled għalina”.
Il-Papa Franġisku mbagħad tkellem fuq l-għajta għall-paċi. Mhux biss għall-Ukrajna – “Żmienna qed jesperjenza nuqqas serju ta’ paċi f’reġjuni oħra wkoll, ta’ din it-tielet gwerra dinjija. Irridu sfortunatament ninnotaw li, filwaqt li qed ningħataw il-Prinċep tal-Paċi , irjieħ ta’ gwerra jkomplu jonfħu fuq l-umanità”.
Il-Papa semma wkoll is-Sirja li għadha itturmentata minn kunflitt li spiċċa fl-isfond iżda li għadu ma spiċċax. Filwaqt li semma wkoll il-Libanu, sabiex finalment ikun jista’ jirkupra, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali”. Tkellem ukoll fuq it-tħassib tiegħu għas-Saħel, il-Jemen u għat-tensjonijiet politiċi u soċjali fil-kontinent Amerikan, “Qed naħseb b’mod partikolari fil-popolazzjoni ta’ Ħaiti li ilha tbati għal żmien twil” tenna l-Papa Franġisku.
Fl-aħħarnett il-Papa temm il-messaġġ tiegħu ta’ Jum il-Milied -“Illum bħal dak iż-żmien, Ġesù, id-dawl veru, jiġi f’dinja marida bl-indifferenza, li ma tilqghux, anzi tiċħdu, kif jiġri lil ħafna barranin, jew tinjorah, kif ħafna drabi nagħmlu mal-foqra. Ejjew. ma ninsewx illum il-ħafna refuġjati u persuni li jħabbtu l-bibien tagħna fit-tfittxija ta’ kumdità, sħana u ikel. Ejjew ma ninsewx lill-emarġinati, is-solitarji, l-orfni u l-anzjani li jirriskjaw li jispiċċaw mwarrba, il-priġunieri li nħarsu biss lejn l-iżbalji tagħhom u mhux narawhom bħala bnedmin”.
//= $special ?>