Lokali

Il-binja tal-Kurja tinbidel f’ristorant kbir għal nies fil-bżonn

“Il-Caritas qed torganizza ikla għal-Milied li ilha isir mill-2015 u għal grazzja t’Alla wara sentejn ta’ pendemija stajna nerġgħu norganizzaw din l-ikla fil-binja tal-Kurja .. fejn qed nilqgħu nies li jinsabu fis-solitudni u anka nies li m’għandhomx meżżi sabiex ikollhom ikla xierqa fil-jum tal-Milied”

Hekk stqarr id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt, meta tul il-jum tal-Ħadd, f’Jum il-Milied, il-Caritas, għat-tmien sena konsekuttiva pprovdiet lill-familji li jinsabu fil-bżonn… l-Ikla tal-Milied.

Ritratt: Martin Agius

Din is-sena, wara sentejn ta’ pandemija il-familji fil-bżonn setgħu jerġgħu jinġabru u jieklu flimkien qishom familja waħda.

Filfatt, bl-għajnuna ta’ Alfred Mizzi Foundation li pprovdiet l-ikel kollu għal din l-ikla, kif ukoll l-uffiċċju tal-President li pprovda l-ħelu u St. Peter’s Foundation li għenet fil-loġistika, il-binja tal-Kurja inbidlet f’ristorant kbir u laqgħat fiha madwar 550 persuna għall-Ikla tal-Milied.

Ritratt: Martin Agius

Madankollu din is-sena, l-Caritas kienet preparata u adattat wkoll sabiex l-Ikla tal-Milied tkun tista tasal għand il-familji fi djarhom, b’ikla professjonali, kompluta bid-deżerta, preparata mill-istess Alfred Mizzi Foundation, fejn b’kollox madwar 300 persuna oħra irċievew ikla sħuna u bnina f’dan il-jum tal-Milied.

Ritratt: Martin Agius

Kif spejgalna tajjeb Anthony Gatt, din is-sena l-Caritas m’offrietx biss ikel lill-familji fil-bżonn iżda offriet diversi rigali sabiex tferraħ lill dak li jkun fil-jum tal-Milied, filwaqt li pprovdiet ukoll għajnuna fuq livell personali. Dan kollu seta’ jsir grazzi għall-volontiera li qattgħu l-Milied jgħinu fil-binja tal-Kurja, jew iduru d-djar u jferrħu lin-nies fil-bżonn.

Net News tkellem ukoll ma’ waħda mill-volontiera preżenti fejn qaltilna li b’kollox kienu 200 volontier li għażlu li jgħinu lill-Caritas f’dan il-jum, minflok iqattgħu l-Milied id-dar mal-familja tagħhom.

Fl-aħħar nett id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt stqarr Ma’ Net News li huwa ferm importanti li l-poplu jingħaqad flimkien bħala familja waħda mhux biss fil-Milied iżda kull ġurnata tas-sena.

Preżenti għall-ikla organizzata mill-Caritas kien hemm ukoll il-Familja Grech, fejn flimkien mal-volontiera taw is-sehem tagħhom lil min hu fil-bżonn. 

Ritratt: Martin Agius