“Jekk tħossok komdu toqtol tarbija fil-ġuf, trid tħossok moralment tajjeb ukoll li toqtol tarbija ta’ sena għaliex it-tnejn għadhom qed jiżviluppaw.”
Kienet din l-analiżi li saret mill-Anestitista, Marique Sciberras waqt intervista fil-programm Net Live ppreżentat minn Robert Cremona fejn fakkret li huwa fatt pruvat mix-xjenza li l-ħajja tibda mill-konċepiment.
“Fil-verità nafu li din hija persuna umana li qed tiżviluppa, żvilupp li qatt ma jieqaf,” qalet Sciberras. “Xorta tibqa’ tarbija li qed tiżviluppa bħalma qed tiżviluppa tarbija ta’ sena.”
Marique Sciberras irrikonoxxiet il-fatt li – it-tarbija fil-ġuf u l-omm – huma żewġ organiżmi differenti, bit-tarbija tkun qed tiżviluppa weħidha bl-għajnuna tal-omm.
Il-professjonista kompliet tgħid kif numru ta’ filosofi ħarġu b’sett ta’ kriterji, fosthom li wieħed ikun konxju, u jkun indipendenti, li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi meqjus bħala persuna. Hi saħqet kif dawn il-kriterji jqisu tarbija fil-ġuf bħala nieqsa minnhom, bl-omm għandha dan kollu.
Madanakollu, hi rrikonoxxiet il-fatt kif wieħed ma jistax jikkunsidra dawn il-kriterji minħabba diversi raġunijiet.
“Jekk nanalizzaw kif inhuma l-affarijiet, din it-teorija tgħidilna li xadina kważi hija persuna iżjed minn tarbija tat-twelid jew ta’ erba’ xhur,” qalet Sciberras. “U allura din twassal biex wieħed iħossu moralment tajjeb biex jagħmel l-enfantiċidju. Toqtol lit-tfal meta xebbawk, bażikament.”
Il-professjonista qalet kif minn studju li kien sar, 98% tal-bijoloġisti li pparteċipaw qisu li l-ħajja tibda mill-konċepiment… bil-liġi hija wisq miftuħa tant li se tati lok għall-abbuż.
“98% ta’ 260,000 abort li jsiru l-Ingilterra jsiru minħabba problemi ta’ saħħa mentali,” qalet Sciberras. “Iżda kienet l-MAP stess li qalet li hemm trattament sigur għall-problemi mentali waqt it-tqala. “