Lokali

“Kull persuna għandu jkollha taħriġ bażiku fl-għoti tal-ewwel għajnuna” – RIU

“Kull persuna għandu jkollha taħriġ bażiku fl-għoti tal-ewwel għajnuna għaliex dan kapaċi jagħmel id-differenza bejn ħajja u mewt.”

Dan hu l-appell ta’ Adrian Mckay, uffiċjal fil-Korp tal-Pulizija li jaħdem fit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit, meta tkellem ma’ Net News dwar dak li ġara madwar ġimgħa ilu, fejn flimkien mal-kollega tiegħu Michael Farrugia irnexxilhom issalvaw raġel li kien qiegħed imut waqt li kien qiegħed jifga f’biċċa ħobz, ftit ‘il bogħod minn fejn kienu għaddejijn bix-xogħol tagħhom.

Meta tkellmu ma’ Net News, Adrian Mckay, li ilu jservi fi ħdan il-korp għal dawn l-aħħar 17-il sena u Michael Farrugia, li ilu f’dan ix-xogħol għal 27 sena, spjegaw kif fortunatament dan l-inċident spiċċa b’wiċċ il-ġid għax kienu fil-post it-tajjeb fil-ħin opportun.

Filfatt, Adrian Mckay sostna li inċidenti bħal dawn għalkemm jġibuh f’sitwazzjoni ta’ sfida, iffakaruh għalfejn għażel li jaqdi din il-missjoni u jservi lill-kommunità.

Minn naħa tiegħu, Michael Farrugia tenna li f’dan iż-żmien hekk kif ninsabu ftit ġranet biss ‘il bogħod mill-Milied, li jirnexxilek ssalva ħajja ta’ persuna u żżomm familja maqgħuda huwa ta’ sodisfazzjon kbir.

Huma appellaw għal aktar taħriġ bażiku fl-għoti tal-ewwel għajnuna, filwaqt li ssostnew li dan kapaċi jagħmel id-differenza bejn ħajja u mewt waqt emerġenzi li jinqalgħu bla mistenni, kemm fid-dar kif ukoll barra.