Knisja Lokali

Malta tiċċelebra Jum il-Milied

“Fil-kultura tagħna l-Maltin, it-twelid ta’ tarbija dejjem fisser rigal sabiħ li jġib miegħu ħafna ferħ, mhux toqol. Jalla kull wild jibqa jfisser aħbar tajba, barka u sliem.”

Hekk saħaq l-Arċisqof Charles J. Sciculna fl-Omelija tiegħu waqt il-Quddies solenni ta’ nofsilejl, fejn għamel referenza għal x’qal il-profeta Isaiah meta ħabbar it-twelid tal-Mulej Ġesu’ billi qal

‘Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; ..

Int kattart il-ġens u kabbart l-hena’ –

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li jalla dan id-dawl li tkellem fuqu l-profeta Isaiah jibqa’ jidi fid-dlamijiet taż-żmienijiet tagħna. Dan id-dawl għandu jkun id-dawl li jdawwal l-ilmenti u l-kuxjenza.

L-Arċisqof Scicluna tenna li l-Mulej jixtieq li bil-kelma li tgħaqqad, bir-rispett u b’umilta’ indawlu r-rispett lil xulxin. It-talba tagħna quddiem din it-tarbija umli għandha tkun biex il-Mulej ikompli jkabbar il-ġens Malti u jkabbar l-hena.

Waqt il-Quddiesa solenni fil-jum tal-Milied saħaq li kull min japprezza l-ħajja jersaq quddiem Ġesu’. Illum hemm aħbar tajba għal kull wieħed u waħda minna. Il-Mulej ġie bħal dawl fid-dlam – u hekk aħna fid-dlamijiet tal-ħajja tagħna, ta’ taqtih il-qalb, tal-jasar tagħna, għandna nħarsu lejn it-tarbija f’maxtura li twieldet f’Betlem, Iben Maria ta’ Nażaret…li llum twieled biex aħna nieħdu r-ruħ.