€5,066,361 hija s-somma miġbura waqt il-maratona tal-Istrina – somma li baqgħet tiela’ sal-aħħar sekonda waqt is-27 edizzjoni tal-maratona tal-Istrina li bdiet mat-tokki ta’ nofsinhar u baqgħet sejra sa’ nofsilejl.
B’din il-maratona annwali ta’ tnax-il siegħa; id-donazzjonijiet li nġabru se jmorru għall-Malta Community Chest Fund Foundation.
“Ilkoll għandu jimpurtana, ilkoll nistgħu nagħmlu aktar” – Bernard Grech
Fost dawk li għaddew l-appell tagħhom f’din il-festa ta’ solidarjetà, kien hemm il-Kap tal-PN Bernard Grech illi flimkien mas-sinjura tiegħu fakkar kif din hija ġurnata speċjali fejn naħsbu ftit aktar f’xulxin. Bil-Kap tal-PN jistqarr illi lkoll nistgħu nagħmlu aktar biex ngħinu lil ħaddieħor.
“Ejjew nifhmu li lkoll għandna responsabbiltà, ilkoll għandna jimpurtana, jien nista’ nagħmel, int tista’ tagħmel ukoll, ilkoll nistgħu nagħmlu aktar. Illum nistgħu nċemplu, nistgħu nagħtu l-flus biex navdaw lill-Istrina il-flus biex isir il-ġid ma’ ħutna Maltin u Għawdxin”
Bernard Grech qal li din hi gurnata li fiha nsarrfu l-imħabba u l-għożża li għandna għal xulxin f’azzjoni li twassal biex verament intejbu l-ħajja ta’ xulxin filwaqt li appella għad-donazzjonijiet.
Il-messaġġ ta’ Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna kien wieħed ta’ awgurju ta’ ġranet sbieħ … l-aktar għal dawk li bħalissa qed jgħixu t-tbatija.
“Jien nifhem li kontribuzzjoni ċkejkna se tagħmel affarjiet kbar. Qed nafdaw f’idejkom, imma wkoll qed nilħqu tant bżonnijiet li forsi għalina ma jidhrux. Dan huwa mument li l-kontribuzzjoni tagħna se tagħmel differenza”
Il-President ta’ Malta George Vella qal li dan il-jum huwa jum ta’ għaqda nazzjonali, fejn ninġabru għal għan aħħari, biex ngħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn.
“Dan il-fond huwa karus kbir, li sfortunatment ħafna jduru għalih minħabba mard. Ovvjament bħall-Presidenti ta’ qabli kommess li naħdem u nagħti l-attenzjoni kollha lil Malta Community Chest Fund”
Din hija r-raba’ Istrina taħt il-patronċinju tal-President George Vella.
Intant, fil-ftuħ ta’ L-Istrina kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela illi tenna li bħala poplu f’dan il-mument għandna ningħaqdu biex ngħinu kemm nifilħu lil dawk li fix-xhur li ġejjin se jkunu qed isibu quddiem wiċċhom tbatija u mard.
L-Istrina din is-sena kienet preżenti mill-ġdid f’Għawdex fejn ittellgħat inizjattiva f’Villa Rundle, fir-Rabat – attivitajiet minn skejjel u entitajiet Għawdxin.
Matul il-jum kienu ħafna dawk li rrispondew għall-appelli u li minn djarhom għamlu d-donazzjonijiet tagħhom, filwaqt li entitajiet kbar marru fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop biex jagħmlu l-għotja tagħhom.
Fost dawn, kien hemm preżenti delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione.
“L-Istrina tista’ tkun dik ir-risposta lill-familji fl-aktar mument diffiċli, kemm issa l-Istrina jirnexxielha tkun jiddependi minnha. Il-PN jingħaqad mas-soċjetà Maltija biex l-Istrina tingħata l-importanza meħtieġa”
Fost dawk li kienu qed jirċievu d-donazzjonijiet tul dan il-jum kien hemm tfal li kellhom bżonn l-għajnuna tal-Istrina matul is-snin, u li ħafna minnhom fiequ grazzi għall-kura li rċivew.
//= $special ?>