Internazzjonali

Il-Brażil: Kumplott intiż biex itellef l-inawgurazzjoni tal-President ġdid

Il-Pulizija Brażiljana arrestaw raġel li prova jtajjar bomba bil-ħsieb li jikkaġuna l-kaos, jiem qabel l-inawgurazzjoni ta’ Luiz Inacio Lula da Silva bħala l-President ġdid tal-Brażil u li hi programmata għall-Ewwel ta’ Jannar. Ir-rapporti qalu li r-raġel kien qiegħed il-bomba fi trakk tal-fuel viċin tal-ajruport fi Brasilia, iżda din falliet għal raġuni li ma kenitx magħrufa.

Ir-raġel żvela, taħt interrogazzjoni, li kien involut f’kumplott flimkien ma’ sostenituri oħra ta’ Jair Bolsonaro li se jispiċċa dalwaqt minn President tal-Brażil – u bil-pulizija jkomplu bit-tfittxija  għall-membri l-oħra tal-kumplott.

Is-sostenituri ta’ Bolsonaro lilhom il-ġimgħat jipprotestaw kontra l-elezzjoni ta’ Lula bħala President u fost is-sejħiet biex il-qawwiet tas-sigurtà jintervjenu biex ma jħallux il-pajjiż jitmexxa minn dan il-politiku tax-xellug. Dan minkejja li Lula kiseb rebħa minima iżda ċara fl-aħħar elezzjonijiet għall-Presidenza.

L-aktar sostenituri ‘hard core’ tal-President Bolsonaro, politiku estremista al-lemin, qed isostnu li kien hu ir-rebbieħ u li kien miċħud biss minn tieni terminu ta’ poter b’kaġun ta’ frodi u manipulazzjoni

L-istess Bolsonaro mhux qed jitlef opportunità biex iżid is-suspetti li l-elezzjoni ma tmexxietx b’mod xieraq, madankollu, dawn l-allegazzjonijiet ma ntlaqgħux mill-qorti elettorali fil-Brażil li lanqas ma aċċettat it-tentattivi tal-partit ta’ Bolsonaro biex jikkuntesta r-riżultat elettorali.