Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Jinqatlu waqt attakk fuq bażi għall-ajruplani militari fir-Russja

Il-qawwiet Ukreni jidhru li qed jirritaljaw b’mod effettiv kontra r-Russja, bil-kelliema f’Moska jirrappurtaw attakk bid-drones fuq bażi tal-ajru għall-bombers li ħalla talanqas tlieta mejtin.

Id-difiżi tal-militar Russu rnexxielhom iwaqqgħu d-drone qrib il-bażi ta’ Engels iżda l-fdalijiet tiegħu niżlu fuq zona fejn kien hemm il-membri tal-istaff tekniku u bit-tlieta jmutu aktar tard mill-ġrieħi li ġarrbu.

Aktar kmieni fix-xahar, ir-Russja akkużat lill-Ukrajna b’attakk simili fuq l-istess mitjar fejn hemm stazzjonati l-bombers li, fl-aħħar ġimgħat, kienu involuti f’offensiva mill-ajru kontinwa fuq l-ibliet Ukreni. Il-bażi tinsab xi 500 kilometru lejn il-grigal mill-fruntiera tal-Ukrajna.

Intant, u filwaqt li l-militar Ukren ma ammettiex responsabbiltà għall-aħħar attakk bid-drone, kelliema għall-qawwiet tal-Ukrajna qalu li l-isplużjonijiet fil-bażi ta’ Engels kienu riżultat ta’ dak li r-Russja qed tagħmel lill-poplu Ukren.

Fl-istess ħin, l-aħħar attakk fuq ir-Russja qed jitqies ukoll bħala żvilupp embarazzanti għall-awtoritajiet f’Moska. Dan għaliex kollox jindika li l-Ukreni qed iżidu l-kapaċità għall-kontra-attakki, xhur wara li l-Kremlin ħareġ jiftaħar li l-Ukrajna ‘kellha taqa’ lill-qawwiet tiegħu fi kwistjoni ta’ ħmistax’ mill-invażjoni tal-artijiet Ukreni lejn l-aħħar ta’ Frar.

Fil-fatt, l-attakk kellu jseħħ ftit wara l-azzjonijiet tal-5 ta’ Diċembru mill-qawwiet Ukreni u li fihom intlaqtu l-bażi ta’ Engels u r-reġjun ta’ Ryazan, li jinsabu mijiet ta’ kilometri ‘il bogħod mill-front tal-gwerra fl-Ukrajna.

Il-kelliema għall-qawwiet tal-ajru Ukreni, fl-aħħar sigħat, qalu li kellhom joħorġu r-ritratti bis-satellita li juru l-impatt tal-attakk fuq il-bażi, Dan ukoll fost stqarrija li xi ajruplani ġarrbu l-ħsarat waqt numru ta’ splużjonijiet. Sadanittant, ir-Russi qalu li ma kien hemm assolutament l-ebda theddida għar-residenti fil-belt ta’ Engels.

Madankollu, l-aħħar azzjonijiet bid-drones allegatament imwettqa mill-qawwiet Ukreni huma wkoll sinifikattivi għaliex qegħdin jolqtu l-miri ‘aktar ‘il ġewwa fir-Russja’. U għalkemm fl-aħħar jiem kien hemm is-sejħiet għal aktar sigurtà madwar il-faċilitajiet militari tar-Russja, l-attakk ta’ sigħat ilu indika wkoll li l-awtoritajiet tal-Kremlin ma fehmux il-vera sitwazzjoni waqt din il-fażi ta’ gwerra mal-Ukreni.