Iċ-Ċina, fl-aħħar sigħat, organizzat waħda mill-akbar inkursjonijiet militari madwar it-Tajwan u li fihom spikkaw il-mezzi tal-ajru u tal-baħar.
Is-sorsi Tajwaniżi qalu sadanittant li ‘il fuq minn 70 ajruplan, inklużi fighter jets u drones, infiltraw zona sensittiva ħafna bejn il-pajjiżi u li huma qed iqisu l-azzjoni bħala provokazzjoni ċara.
Iz-zona għall-identifikazzjoni sservi biex id-difiżi tat-Tajwan iwieġbu mal-ewwel għal xi inkursjoni minn qawwiet ostili. Dan meta ċ-Ċina żiedet ir-retorika aggressiva fil-konfront tat-Tajwaniżi fejn tirriserva d-dritt li tieħu lura bil-forza lil din il-gżira-Stat awtonoma li għandha lill-Istati Uniti bħala alleata ewlenija.
It-tensjoni żdiedet fl-aħħar xhur, bil-Gvern komunista f’Beijing jistqarr li t-Tajwan hi provinċja ribelluża li għandha tingħaqad mat-territorju Ċiniż mingħajr aktar telf ta’ żmien.
Sadanittant, il-Gvern tat-Tajwan ikkundanna l-aħħar inkursjonijiet tal-qawwiet Ċiniżi bħala ‘ferm perikolużi u provokattivi’ wara li l-ajruplani militari ta’ Beijing qasmu l-hekk-imsejħa Linja Medjana li sservi bħala buffer mhux uffiċjali li jissepara naħa mill-oħra f’dik iz-zona tal-ajru speċifika.
Min-naħa tagħha, iċ-Ċina qalet li wettqet xi simulazzjonijiet għall-attakki madwar it-Tajwan bi tweġiba għal allegati provokazzjonijiet mill-Gvern ta’ Tajpej u l-Istati Uniti.
Dan meta l-Istati Uniti tinsab f’sitwazzjoni sensittiva ħafna għaliex filwaqt li għandha r-rabtiet formali maċ-Ċina u mhux mat-Tajwan, hu minnu wkoll li Washington qed iżomm relazzjonijiet mill-qrib mal-Gvern ta’ Tajpej. Fl-istess ħin, l-Amerikani qegħdin ibiegħu l-armamenti lit-Tajwaniżi taħt it-Taiwan Relations Act. – b’dan l-aspett ta’ politika jesiġi biex l-Istati Uniti tipprovdi lil din il-gżira Stat bil-mezzi ħalli tiddefendi ruħha kontra xi attakk.
//= $special ?>

