Lokali

“L-emenda tal-abort ma tirrispettax il-ħajja” – Kevin Aquilina

“Min jivvota favur l-emenda li se ddaħħal l-abort f’pajjiżna kif inhi preżentament se jkun qed jivvota għall-kultura tal-mewt.”

Dan qalu l-Professur Kevin Aquilina f’artiklu fil-ġurnal ‘The Malta Independent’ tas-Sibt.

Il-Professur Aquilina aċċena għall-fatt li din l-emenda ma tirrispettax il-ħajja fil-ġuf; anzi tnaqqsilha l-importanza b’mod sħiħ. Kevin Aqulina appella sabiex il-membri tal-Parlament jivvotaw kontra din l-emenda għaliex kif qiegħda bħalissa se toħloq diffikultajiet kbar.

Fl-artiklu huwa jgħid li din l-emenda ma tagħti l-ebda gwida, u ma tipproponi l-ebda limitu għal meta jsir l-abort. Dan għaliex kif ġiet preżentata l-emenda, l-abort jista’ jsir sad-disa’ xahar tat-tqala u dan ifisser li l-abort jista’ jsir f’kull stadju tat-tqala meta saħħet il-mara tkun fil-periklu.

Fi kliem sempliċi, dan iwaqqa’ id-diskors li lissen fil-Parlament fl-aħħar jiem il-Prim Ministru innifsu.

Barra minn hekk, l-emenda ma tipprovdi ebda gwida ta kif il-professjonisti jistgħu jaslu għal deċiżjoni serja bħal din, kif ukoll ma toffri l-ebda forma ta’ prinċipji etiċi.

Il-Professur Kevin Aquilina qal illi hemm bżonn ta’ awtorita’ sabiex tevalwa d-deċiżjoni tat-tabib sabiex ma jsirx abort b’kapriċċ jew fuq kundizzjoni li hemm kura għaliha.

Hu fakkar kif il-Gvern saħaq li l-kodiċi kriminali ta’ bħalissa jpoġġi t-tobba fil-periklu meta tiġi salvata ħajjet l-omm meta jkun hemm xi diffikulta. Iżda, l-artiklu jgħid li dan il-fatt huwa skorrett hekk kif il-professjonisti fl-aħħar ġimgħat esprimew li din l-emenda se tintroduċi diffikultajiet kbar f’xogħolhom, u żgur mhux se tgħinhom.