Għawdex Lokali

L-Għawdxin jiġbru €30,000 b’risq l-Ukrajna

F’dawn il-jiem tal-Milied, id-Djoċesi ta’ Għawdex, permezz tal-Caritas, għaddiet is-somma ta’ €30,000 lill-Karità tal-Papa biex jinxtraw ħwejjeġ sħan għall-popolazzjoni tal-Ukrajna, li qed issofri l-bard qalil tax-xitwa u diffikultajiet oħra minħabba l-gwerra. Dawn il-flus inġabru mill-parroċċi u l-knejjes Għawdxin tul din is-sena.

Fi stqarrija ntqal li l-poplu Ukren qed jgħix stat ta’ emerġenza li, barra l-fattur tal-gwerra, hu dovut ukoll lin- nuqqas ta’ kurrent elettriku, ta’ gass, u lill-kesħa qawwija ħafna tax-xitwa. L-Elemożinerija Appostolika qed tibgħat ħwejjeġ protettivi għall-insulazzjoni termali, adattati biex iżommu t-temperatura tal-ġisem sħuna.

Minbarra din l-għotja lill-Karità tal-Papa, il-Caritas djoċesana qed tgħin xi familji mill-Ukrajna li jinsabu refuġjati f’Għawdex.