Internazzjonali

L-Istati Uniti-Kanada: Għexieren ta’ mejtin b’kaġun tal-friża u fost temperaturi ta’ taħt il-50 grad għal Jum il-Milied

Qed jiżdiedu sew l-imwiet b’kaġun tal-friża storika li qed tiddomina bħalissa fl-Istati Uniti u l-Kanada…Friża li ilha taħkem għal madwar ġimgħa u li hi dovuta għall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi fir-reġjun tal-Artiku u li qegħdin iħallu impatt partikulari għall-poplu Amerikan.

L-aħħar rapporti qalu li l-maltemp bil-borra u s-silġ sewa l-ħajja ta’ ‘il fuq minn 40 persuna madwar l-Istati Uniti, bl-agħar zona milquta tkun il-belt ta’ Buffalo fl-Istat ta’ New York.

Sadanittant, il-Kanada wkoll irrappurtat il-fatalitajiet, b’erba’ imutu wara li x-xarabank li kienu qegħdin jivvjaġġaw fih inqaleb  fi triq mimlija bis-silġ viċin il-belt ta’ Merritt, fil-provinċja ta’ British Columbia.

Din il-maltempata ma għandha l-ebda preċedent u meta l-elementi tagħha qed ikomplu jinħassu tul medda ta’ territorju bejn il-Kanada u z-zona li tkopri x-Xmara ta’ Rio Grande li hi l-ħames l-itwal xmara fl-Istati Uniti.

L-awtoritajiet fl-Istati Uniti qed jgħidu li l-maltemp għandu jonqos fi ftit jiem oħra iżda l-allert dwar l-ivvjaġġar għadu effettiv, bin-nies qed ikunu mwissija biex ma joħorġux minn djarhom ħlief għal raġunijiet assolutament neċessarji.

Intant, il-provvista tad-dawl bil-mod il-mod qed tirritorna għan-normal f’diversi Stati Amerikani wara jiem ta’ blackouts assoluti.

It-temperaturi għal Jum il-Milied f’diversi bnadi tal-Istati Uniti niżlu sa taħt il-50 grad u bil-konsegwenza li eluf ta’ titjiriet spiċċaw ikkanċellati f’sitwazzjoni li għamlitha impossibbli għal eluf kbar ta’ familji li jingħaqdu ma’ qrabathom għall-eqqel ta’ dawn il-festi.

Fil-fatt, ‘il fuq minn 55 miljun Amerikan kienu kostretti li josservaw l-allert ġenerali għall-friża u l-irwiefen bil-borra, bil-Gvernatur tal-Istat ta’ New York, Kathy Hochul, tikkonferma li l-impatt tal-maltemp ‘kien l-agħar fl-istorja għar-residenti ta’ Buffalo u li l-inħawi tagħhom spiċċaw mibdula f’xenarju simili għal zona ta’ gwerra’.

Imwiet oħra dovuti għall-maltemp kienu rappurati wkoll fl-inħawi ta’ Vermont, Ohio, Missouri, Wisconsin, Kansas u Colorado, bit-temperaturi f’South Florida jinżlu għal baxx rekord.