Harry Kane skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Premier League mindu l-kampjonat irritorna mill-‘break’ wara l-logħob tat-Tazza tad-Dinja. Madankollu, Tottenham Hotspur ma setgħux jiksbu t-tliet punti minn logħba kumbattuta ma’ Brentford fil-Community Stadium li spiċċat 2-2.
Kienu l-Bees li fetħu vantaġġ doppju b’gowls minn Vitaly Janelt u Ivan Toney iżda Spurs wieġbu b’żewġ gowls oħra fi spazju ta’ sitt minuti – b’Kane isib ix-xibka bir-ras fuq il-kross ta’ Clement Lenglet u bi Pierre-Emile Hojbjerg jagħmel l-iskor indaqs b’xutt bid-dawwra fir-rokna tax-xibka. Il-gowl qata’ kull tama ta’ Brentford li jiksbu l-ewwel rebħa fuq Spurs mill-1948 u fil-fatt, il-Bees kienu xifer ‘il bogħod milli jitilfu anki dan il-punt diffiċli meta d-daqqa ta’ ras ta’ Kane stampat mal-lasta fl-aħħar minuti tal-konfront.
Il-logħba f’Selhurst Park bejn Crystal Palace u Fulham żvolġiet f’waħda diżastruża għall-Eagles li sofrew telfa ta’ 0-3 minbarra li spiċċaw il-konfront b’disa’ plejers wara żewġ tkeċċijiet – wieħed f’kull taqsima.
In-nuqqas ta’ dixxiplina ta’ Tyrick Mitchell ( għal fawl fuq Kenny Tete) u James Tomkins ikkumplika bil-kbir l-impann ta’ Palace, b’Fulham jiddominaw tul il-logħba bħalma jirrifletti l-iskor u grazzi għall-opportuniżmu ta’ Bobby de Cordova-Reid, Tim Ream and Aleksandar Mitrovic.
Ir-rebħa tfisser li Fulham, li qed jimpressjonaw bħala tim neo-promoss, jinsabu fit-tmiem post tal-klassifika u anki għandhom ċans li jikkwalifikaw għall-Europa League jekk ikomplu juru din il-forma matul it-tieni parti tal-istaġun.
Everton jinsabu f’inkwiet serju wara telfa oħra f’darhom, din id-darba’ kontra Wolves, li ħadu t-tliet punti grazzi għal gowl fl-aħħar nifs skurjat minn Rayan Ait-Nouri. B’din ir-rebħa, Wolves inqalgħu miz-zona l-ħamra tal-klassifika bit-Toffees jinsabu r-raba’ mill-aħħar wara li huma tilfu seba’ darbiet fl-aħħar disa’ konfronti fil-Premier League Ingliż.
Kienu Everton li marru fil-vantaġġ minn Yerry Mina wara biss seba’ minuti, iżda Wolves kisbu parità minn Podence f’nofs l-ewwel taqsima. Intant, kien proprju meta l-logħba dehret riesqa lejn dro li wasal il-mument ta’ Ait-Nouri li fil-95 minuta għeleb lil Pickford fuq l-assist preċiż ta’ Traore għat-2-1 finali.
Newcastle United telgħu t-tieni fil-klassifika wara rebħa faċli, 3-0, fuq Leicester City fil-King Power Stadium. Il-logħba kienet prattikament magħluqa wara li l-Geordies skurjaw it-tliet gowls fl-ewwel taqsima u għas-sitt rebħa konsekuttiva fil-kampjonat.
L-ewwel gowl wasal minn Chris Wood li ma żbaljax penalty wara biss tliet minuti, bit-tieni wieħed jiskurjah Miguel Almiron wara azzjoni personali fejn żgiċċa lid-difiża tal-Leicester u rdoppja b’’finish’ perfett.
Leicester ma kellhomx risposta u kwarta mit-tmiem Joelinton kompla jkabbar l-iskor bir-ras fuq il-korner ta’ Kieran Trippier, bir-riżultat ma jinbidilx.
Southampton baqgħu ankrati f’qigħ il-klassifika tal-Premier wara telfa oħra f’darhom, 1-3, ma’ Brighton and Hove Albion.
Adam Lallana fetaħ l-iskor għas-Seagulls kontra l-eks-klabb tiegħu, bl-affarijiet ikomplu jiġu għall-agħar għas-Saints meta d-difensur Romain Perraud ikkommetta awto-gol klassiku.
Brighton baqgħu juru l-aħjar ideat u fit-tieni taqsima Solly March sammar ġewwa mill-ġdid b’xutt mill-bogħod, u bit-tim ta’ Nathan Jones jidher diżorganizzat u nieqes għal kollox mill-ideat.
Intant, is-Saints rebħu penalty fit-73 minuta wara li Pascal Gross wettaq fawl fuq Samuel Edozie fil-kaxxa – bil-gowlkiper ta’ Brighton Sanchez isalva t-tentattiv ta’ James Ward-Prowse mill-ħdax-il metru qabel il-captain ta’ Southampton sab ix-xibka bir-ras mill-istess azzjoni.
Liverpool jinsabu waħedhom fis-sitt post tal-klassifika wara rebħa tajba, 3-1, fuq Aston Villa f’Villa Park. Dan meta t-tim ta’ Jurgen Klopp qed jipprova jpatti għall-bidu tal-istaġun diżastruż u fejn qed jittama għal post finali mat-‘Top 4’ waqt li jaffronta l-aktar żmien impenjattiv tal-kampjonat.
Mohammed Salah poġġa lir-Reds fil-vantaġġ wara biss ħames minuti, bil-Villains jisfurzaw sensiela ta’ attakki qabel id-difensur Virgil van Dijk irdoppja b’xutt għar-rokna minn azzjoni ta’ korner – u bil-ballun jixxellef għal ġewwa mill-plejer ta’ Villa, Konsa.
Il-logħba minn dak il-ħin daret favur Villa li tilfu ħafna okkażjonijiet tajbin sakemm Ollie Watkins għeleb lill-gowlkiper Alisson bir-ras wara siegħa logħob.
Il-Villains komplew jagħfsu għad-dro iżda l-aħħar kelma kienet ta’ Liverpool, bis-sostitut, Stefan Bajtetic jittanta xortih u bil-ballun jaħbat mad-difensur ta’ Villa Tyrone Mings qabel spiċċa ġewwa għat-3-1 finali.
//= $special ?>