L-awtorita’ tal-immigrazzjoni fiċ-Ċina ħabbret li wara kważi tliet snin ta’ fruntieri magħluqa, iċ-ċittadini Ċiniżi se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jivjaġġaw mit-8 ta’ Jannar li ġej.
Iċ-Ċina hija l-aħħar pajjiż fid-dinja li qed terġa tipprova “tgħix bil-Covid” wara tliet snin ta’ lockdowns, fruntieri magħluqa u kwarantina obbligatorja. Iżda wara protesti li saru f’Novembru, minħabba li ċ-ċittadini għajjew u xebgħu bir-restrizzjonijiet u PCR tests, l-awtorijiet kellhom inaqsu ċertu regoli u restrizzjonijiet.
Dan l-aħħar il-virus tal-Covid fiċ-Ċina reġa beda jinfirex b’mod allarmanti, b’rapporti jgħidu li l-isptarijiet huma mimlija u l-anzjani qed imutu.
Il-ġimgħa li għaddiet f’Beijing kien irrappurtat madwar 4,000 każ kuljum u kif ukoll xi mwiet. Iżda l-Ħadd n-numri tal-każijiet ippubblikati twaqqfu għal kollox. Għaldaqstant l-ammont veru ta’ każijiet u mwiet bħalissa mhux magħruf.
Minn Marzu 2020, kull min daħal fiċ-Ċina kellu jgħaddi minn kwarantina obbligatorja f’faċilità tal-istat – sa tliet ġimgħat kull darba. Dan reċentement tnaqqas għal ħamest ijiem.
Iżda nhar it-Tnejn il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Saħħa ħabbret li l-Covid se jiġi formalment klassifikat bħala marda infettiva tal-Klassi B u għaldaqstant ifisser li l-kwarantina titneħħa – għalkemm dawk li jivjaġġaw lejn iċ-Ċina xorta se jkollhom bżonn jagħmlu PCR test.
L-awtoritajiet qalu li se jtejbu wkoll l-arranġamenti tal-viża għall-barranin li jixtiequ jmorru ċ-Ċina għax-xogħol u l-istudju, kif ukoll għal żjarat tal-familja.
Mhux ċar jekk dan jinkludix viżi turistiċi, iżda uffiċjali qalu li se jibda programm pilota għall-vapuri tal-kruċieri internazzjonali.
Iċ-ċittadini Ċiniżi li jixtiequ japplikaw għall-viżi biex jivvjaġġaw barra mill-pajjiż se jkunu jistgħu jagħmlu dan ukoll mit-8 ta’ Jannar.
Qabel il-pandemija, in-numru ta’ turisti li jsiefru miċ-Ċina kien ta’ 155 miljun fl-2019. Dan in-numru niżel għal 20 miljun fl-2020.
Ir-regoli l-ġodda ġew milqugħa minn ħafna Ċiniżi li issa se jkunu jistgħu jivvjaġġaw mill-ġdid. L-aġenziji tal-ivvjaġġar irrappurtaw żieda fit-traffiku fi ftit sigħat wara din l-aħbar. Ħafna nies qed jittamaw li jżuru lill-familja u lill-għeżież matul is-Sena l-Ġdida Ċiniża, li tibda fit-22 ta’ Jannar.
Iżda ħafna esprimew ukoll rabja dwar din il-‘libertà’ f’daqqa wara snin ta’ kontrolli.
Mara li tgħix f’Shangai qalet li kienet għamlet tliet xhur ta’ lockdown f’April, iżda f’dawn l-aħħar ġimgħat, kważi kulħadd fil-familja tagħha spiċċa nfettat bil-virus.
Ħafna esprimew ukoll tħassib dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri hekk kif il-każijiet tal-Covid reġgħu laħqu l-ogħla livell fiċ-Ċina.
Nies fi bliet bħal Beijing u Shanghai, li jesperjenzaw temperaturi kesħin fix-xitwa, qalu li qed jispiċċaw mingħajr mediċina għall-influwenza u l-kesħa.
Hemm il-biża’ li mijiet ta’ mwiet jistgħu jibqgħu mhux irrappurtati hekk kif il-krematorji huma mimlija.
Fil-kapitali, Beijing, l-awtoritajiet qalu li qed jippjanaw li jqassmu l-pilloli Pfizer, sabiex jippruvaw inaqqsu s-severità tal-infezzjonijiet u jtaffu l-pressjoni fuq l-isptarijiet. Iżda ċ-ċentri tas-saħħa qalu li l-mediċina għad trid tingħata.
Il-President Xi Jinping kien ikkritikat għall-mod kif immaniġġja l-pandemija – li kkontrolla l-ħajja tan-nies b’mod eċċessiv u fixkel l-ekonomija tal-pajjiż – b’bosta jsostnu li issa jrid jerfa’ r-responsabbiltà għall-mewġa kbira ta’ infezzjonijiet u d-dħul fl-isptarijiet. Ħafna staqsew għaliex il-pajjiż ma kienx ippreparat aħjar.
//= $special ?>