“Out of stock”. Huma dawn it-tlett kelmiet li ta’ spiss fl-aħħar jiem u ġimgħat il-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jisma’ kull darba li jmur għand l-ispiżjar hekk kif malli dħalna fix-xhur Xitwin, magħhom wasal il-mard marbut mal-influwenza staġjonali. Min b’riħ, min sogħla, min bid-deni u min bl-uġigħ fil-griżmejn.
Għad-differenza tal-aħħar sentejn, meta n-nies fil-maġġoranza kienu qed jilbsu l-maskri protettivi u jevitaw il-folol u l-għeluq kawża tal-pandemija tal-Covid-19 – dawn il-ġimgħat kienu ferm differenti, b’diversi esperti mediċi jisħqu li l-ġisem issa jrid jerġa’ jidra u jsaħħaħ is-sistema immunitarja tiegħu.
Diversi huma dawk li qed jirrapportaw li qed isibu nuqqas ta’ mediċini fosthom antibjotiċi tal-penisillin partikolarment fejn tidħol il-mediċina tat-tfal. Esperti saħqu li dan kollu huwa dovut għal żieda fid-domanda kif ukoll għal diversi fatturi oħra, fosthom s-sitwazzjoni fl-importazzjoni minn madwar il-kontinent Ewropew.
Iżda sorsi ta’ min jorbot fuqhom li tkellmu ma’ Net News saħqu li preżentament hawn out of stock saħansitra l-insulina – fatt li jekk ma jinstabx rimedju għalih mill-Gvern ċertament li joħloq sfidi kbar għal min isofri mill-kundizzjoni tad-dijabete.
Fl-aħħar ġimgħat sar magħruf ukoll li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kiser wegħda minn tiegħu hekk kif fil-Parlament kien ikkommetta ruħu li sal-aħħar tas-sena il-Gvern kien se jestendi s-servizz tal-Constant Glucose Monitors għal persuni sal-età ta’ 35 sena – iżda issa, se jestendih biss għal persuni li għandhom 23 sena.
Intant fuq is-sit tal-Ministeru għas-Saħħa fejn tingħata informazzjoni dwar il-mediċini Out of Stock mill-POYC, l-aħħar aġġornament li ġie ppubblikat kien fis-7 ta’ Novembru; kważi xahrejn ilu. Dan meta suppost li l-lista ta’ mediċini out of stock tiġi aġġornata kull nhar ta’ Tlieta, ġimgħa wara l-oħra.
Net News kiteb lill-Ministeru dwar kemm hemm mediċini out of stock u liema huma. Madanakollu, s’issa għadna ma rċevejna ebda tweġiba.
//= $special ?>