Lokali

“Għadna mhux nilħqu l-livelli tal-2019 u hawn stabbilimenti li mhux se jiftħu għall-ewwel tas-sena” – ACE

Hawn diversi stabbilimenti li għażlu li għall-ewwel jum tas-sena l-ġdida ma jiftħux.

Sostniet dan ma’ Net News il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering Michelle Muscat fejn spjegat li s’issa l-bookings għal-lejliet l-ewwel tas-sena huma kemmxejn kajmani filwaqt li jidher li n-nies se jagħżlu li jattendu għal attivitajiet fuq barra la darba t-temp qiegħed jippermetti.

Hija spjegat li matul iż-żmien ta’ festi jiġifieri matul ix-xahar ta’ Diċembru n-numri ta’ nies illi għażlu li jieklu barra varjaw minn tip ta’ stabbiliment għall-ieħor.

Il-President tal-ACE saħqet li taħt il-kappa tal-catering hemm diversi tipi tal-stabbilimenti, u spjegat li kien hemm differenza sostanzjali bejn lokalità u oħra – bl-aktar żona li tmur tajjeb tkun dik tal-Belt Kapitali.

Michelle Muscat spjegat li għal jumejn ta’ Lejliet il-Milied u Jum il-Milied il-familji Maltin u Għawdxin fil-maġġorparti tagħhom għażlu li jqattgħuhom id-dar.

Hija sostniet li dan huwa dovut għal diversi raġunijiet iżda ċertament wieħed mill-fatturi huwa l-element ta’ ġabra li kiber fost il-familji ankè matul il-perjodu tal-pandemija.

Dan filwaqt li insistiet li ċertament in-numri għadhom ma laħqux il-livelli li kien hemm qabel.

Muscat temmet tgħid li matul is-sena l-ġdida l-ACE se tkompli taħdem id f’id mal-awtoritajiet …filwaqt li tittama li l-ispejjeż u l-prezzijiet ta’ materja prima jibdew jorħsu.