Lokali

“Il-lista tal-mediċini out of stock qed tkompli tikber” – PN

Fl-aħħar jiem qed tinħass dejjem aktar iż-żieda fl-għadd ta’ mediċini out of stock, b’effett qawwi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti, tal-familji tagħhom u tal-professjonisti mediċi.

Dan intqal mid-deputati tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg, Ian Vassallo u Stephen Spiteri.

Il-provvista ta’ insulina jidher li ma kinitx regolari u skont il-bżonn tal-pazjenti f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Dan in-nuqqas qed iwassal għal ansjetà żejda fost persuni li jbatu mid-dijabete u l-familji tagħhom, speċjalment minħabba li din il-problema issa ilha tinħass għal aktar minn xahar.

Persuni bid-dijabete qed iħossu li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jitraskurahom wara li ma żammx kelmtu dwar id-dħul aktar wiesgħa tal-Constant Glucose Monitors f’pajjiżna u, wara li qed jirrifjuta li jerġa’ jitwaqqaf il-Kumitat Parlamentari tad-Dijabete, issa b’din il-problema persistenti tan-nuqqas ta’ insulina.

Iżda l-lista tal-mediċini out of stock issa qed tkompli tikber b’rata inkwetanti, b’bosta tobba u spiżjara qed jilmentaw minn nuqqas ta’ mediċini essenzjali, li qed jaffettwa l-kura ta’ mard u diversi kundizzjonijiet tas-saħħa.

Fost il-mediċini out of stock insibu dawn:

– Novorapid (Aspart): insulina essenzjali ħafna għal min għandu d-dijabete

– Latanoprost: għall-pressjoni fl-għajnejn

– Galvus: għall-kontroll tad-dijabete type 2

– Goserelin Injection: għall-kura tal-kanċer tal-prostata

– Creon: għal diversi kundizzjonijiet marbuta mal-istonku, fosthom il-kanċer u s-cystic fibrosis

– Diversi antibiotiċi: essenzjali f’dan iż-żmien tal-mard staġjonali

Il-Gvern ilu ma jippubblika l-lista uffiċjali tal-mediċini out of stock kważi xahrejn, mis-7 ta’ Novembru li għadda u dan hu ta’ tħassib serju għax il-Gvern qed jipprova jaħbi l-problema kritika li hawn. Dik il-lista kienet diġà turi li kien hemm mill-anqas 25 mediċina out of stock, li ma jinkludux il-mediċini kollha msemmija aktar ‘il fuq.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella għal aktar trasparenza u effiċjenza fix-xiri u d-distribuzzjoni tal-mediċini f’pajjiżna. U li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu jieqaf milli jipprova jaħbi problemi serji mill-poplu u jiffoka aktar fuq is-soluzzjonijiet għall-ġid tal-pazjenti u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.