Għawdex Lokali Saħħa

Il-poplu għandu jkun jaf eżatt x’wassal għall-inċident fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Jumejn ilu segwejna x’ġara fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn filwaqt li fortunatament ħadd ma weġġa’, hemm ħafna mistoqsijiet x’jitwieġbu.

L-istqarrija, maħruġa mill-Kelliema għal Għawdex, Alex Borg, il-Kelliem għas-Saħħa, Stephen Spiteri u l-Kelliem għat-Trasport, il-Mobbiltà u l-Proġetti Kapitali, Adrian Delia, f’isem il-PN, filwaqt li ssellem lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, lill-infermieri u lit-tobba li taw l-għajnuna meħtieġa u fil-ħin lill-pazjenti li kien hemm, il-Partit Nazzjonalista jirreferi għad-diversi mistoqsijiet tal-poplu li għadhom iridu jkunu mwieġba, fosthom:

– X’wassal biex qabdet is-‘server room’?
– Kemm damet ma ngħatat is-sejħa għall-għajnuna?
– Kien hemm biżżejjed miżuri ta’ saħħa u sigurtà?

Fuq kollox, il-poplu għadu qed jistaqsi x’sar minnu l-investiment fl-isptar il-ġdid li suppost kellu jinbena f’Għawdex, iżda li għad lanqas biss hemm ħjiel tiegħu.

Flimkien mal-poplu, il-Partit Nazzjonalista jenfasizza l-ħtieġa li l-Gvern ikun trasparenti dwar din il-kwistjoni, anke fid-dawl tal-miljuni li l-Gvern ta’ Robert Abela għadu qed jagħti ta’ kull sena lil ta’ Steward, biex inċidenti bħal dawn ma jerġgħux iseħħux, kif ukoll li l-pazjenti u l-Għawdxin li jkollhom bżonn jużaw l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma jbatux il-konsegwenzi jew ikunu f’periklu bla bżonn.