Futbol Sport

Rashford u Martial jwittu t-triq għal rebħa ta’ Man Utd… L-ebda problemi għal Chelsea kontra Bournemouth

(Ritratt: EPA)

Manchester United irritornaw fl-azzjoni fil-Premier League b’rebħa dominanti ta’ 3-0 fuq Nottingham Forest. Huma fetħu l-iskor fid-19-il minuta meta minn corner ta’ Christian Eriksen kien l-Ingliż Marcus Rashford li xeħet fix-xibka għal 1-0. Tliet minuti ir-Red Devils irdoppjaw meta din id-darba Rashford għadda tajjeb lejn Anthony Martial, li b’xutt fil-baxx għeleb lil goalkeeper ta’ Nottingham Forest għal 2-0. B’Manchester United jiddominaw il-kumplament tal-partita, huma kellhom jistennew sas-87 minuta biex għamluhom tlieta, meta Casemiro żmarka lil Fred fil-kaxxa b’dan tal-aħħar jikkonkludi fix-xibka għal skor finali ta’ 3-0.

Żewg gowls f’temp ta’ tmien minuti wittew it-triq għas-seba’ rebħa tal-istaġun li permezz tagħha Chelsea telgħu fit-tmien post fil-klassifika b’24 punt daqs Brighton & Hove Albion. B’Chelsea fuq l-offensiva, wara biss 16 -il minuta fetħu l-iskor. Minn azzjoni ta’ Raheem Sterling kien KAI HAVERTZ li għeleb lil Mark Travers. Ebda reazzjoni minn Bournemouth b’Chelsea approfittaw tant li fl-24 minuta kien MASON MOUNT li minn pass ta’ Kai Havertz għeleb mill-ġdid lil Travers, bl-iskor jibqa’ 2-0 sa tmiem l-ewwel taqsima u eventwalment ebda tibdil ta’ skor sa tmiem il-partita. Intant sfortuna oħra għad-difensur Ingliż ta’ Chelsea Reece James, li wara li tilef it-Tazza tad-Dinja minħabba injury f’irkopptu, jidher li reġa’ ħass uġiegħ fl-istess rkoppa u talab li jkun sostitwit matul il-partita.

Riżultati

Chelsea v Bournemouth 2-0
Man Utd v Nott. Forest 3-0