Internazzjonali

Tinstab is-seba’ vittma tal-inċident fi Spanja

Jumejn wara l-inċident li seħħ fi Spanja, fejn karozza tal-linja tilfet il-kontroll u baqgħet nieżla minn fuq pont għal isfel, instabet is-seba’ vittma.

Is-servizzi tal-emerġenza kienu se jwaqqfu l-operazzjoni ta’ salvataġġ wara li sabu s-sitt vittma hekk kif ma kienx hemm iktar rapporti ta’ persuni mitlufa u b’hekk ħasbu li ma kienx hemm iktar persuni mitlufa. Madanakollu, ħabiba tal-vittma kkomunikat magħhom hekk kif is-seba’ vittma ma kinitx tinsab fuq il-lista tal-vittmi.

Kien hemmhekk fejn l-operazzjoni kompliet u ftit tal-ħin wara nstabet is-seba’ persuna bla ħajja fix-xmara.

Ftit minuti wara li seħħ l-inċident, waħda mill-passiġġiera li kienet fil-karozza fil-ħin tal-inċident ċemplet għall-għajnuna hekk kif il-vettura kienet qed timtela’ kollha ilma tax-xmara.

Ix-xufier għadda minn test għall-effett tal-alkoħol u d-droga iżda rriżulta fin-negattiv. Mhux magħrufa x’wassal għal dan l-inċident.