Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Karin Grech, f’għeluq l-45 anniversarju mill-qtil tagħha, billi flimkien ma’ martu AnneMarie poġġa fjuri fuq il-qabar ta’ Karin Grech, li tagħha għandu memorji sbieħ bħala kuġina tiegħu.
Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Bernard Grech qal li dan in-nazzjon għadu midjun lejn Karin Grech filwaqt li 45 sena wara dan l-avveniment ikrah, hu għadu jittama li l-kuxjenza ta’ xi ħadd li jaf xi ħaġa twassal biex insiru nafu il-verità dwar dak li seħħ.
Kien fit-28 ta’ Diċembru tal-1977 meta tfajla żagħżugħa ta’ ħmistax-il sena, inqatlet fi splużjoni ta’ ittra bomba li ntbagħtet f’forma ta’ rigal imgeżwer f’karti tal-Milied.
Il-pakkett kien indirizzat lil missierha, il-Professur Edwin Grech li f’dak il-perijodu kien ġie lura pajjiżna mir-Renju Unit biex iservi fl-isptarijiet lokali.
L-isplużjoni, li seħħet fil-preżenza ta’ ħuha Kevin li kien jinsab biswitha, kienet ikkawżatilha ġrieħi serji li eventwalment wasslu għall-mewt taż-żagħżugħa.
Għal Karin Grech hemm sptar fi G’Mangia li jġib isimha u f’San Ġwann hemm ġnien imsemmi għaliha.
Oliver Friggieri wkoll kien kiteb poeżija dwar Karin Grech u Raymond Caruana bir-rakkont dwar kif huma qed jgħassu mill-ġenna sabiex dak li ġara lilhom, ma jerġax iseħħ.
Sal-lum, dawn iż-żewġ delitti għadhom mhux solvuti.
Karin u Raymond
Hawn fuq iltqajna t-tnejn għall-ewwel darba,
għarajjes li ssaħħarna minn xulxin,
għarajjes li m’hemm xejn li se jifridna,
għarajjes li noħolmu bil-Maltin.
Id’id għarajjes bojod li nittajru
fi żwieġ li ma jixjieħx matul iż-żmien,
żewġ kwiekeb li nittawlu kull flgħaxija
u ngħassu fuqkom dejjem, kullimkien.
Għassiesa t-tnejn mill-għoli fejn ninsabu,
għassiesa li ma norqdu qatt u qatt,
għassiesa biex id-demm li xerridn’aħna
ma jerġa’ jxerrdu ħadd u ħadd u ħadd.
Hemm ħolma bajda fl-għerusija tagħna
li ma jħassarha b’xejn ebda kulur,
hemm ħolma li m’hix blù w anqas m’hi ħamra,
hemm ħolma li fi żwieġ biddlet dulur.
Hemm salm li kiber fina biex nessiena
kull weġgħa, kull tifkira, kull lament,
hemm vleġġa li trid tinfed lill-qlub kollha
f’kull dar, f’kull triq, f’kull sqaq, f’kull parlament.
Hemm blata taħt għajnejna li nonġruha
filgħodu w filgħaxija t-tnejn id f’id,
hemm gżira li nsaqquha biex sa fl-aħħar
minn hawn narawha tikber f’nazzjon ġdid.
Bl-imħabba jħabbtu qlubna taħbit wieħed,
l-imħabba li żewġitna hawn fuq it-tnejn,
l-imħabba nitolbukom biex dal-kalċi
li xrobna ma nkunux xrobnieh għalxejn.
Hemm kmandament li tnissel miż-żwieġ tagħna
biex dawn id-dmija mxerrda ma jinħlewx,
ktibnieh bid-demm, tgħallmuh w għallmuh ‘l uliedkom:
il-kmandament ta’ għada: ‘La tinsewx’.
Oliver Friggieri
//= $special ?>