“91% tal-persuni li jagħmlu użu mis-Soup Kitchen tal-Franġiskani fil-Belt Valletta huma Maltin”.
Dan huwa dak li stqarr Patri Marcellino ma’ Net News, hekk kif din il-kamra tal-aħbarjiet żaret din il-kċina li ta’ kuljum qed tagħti l-ikel lil 140 persuna. F’waqtiet ukoll tagħti ħwejjeġ u anki kenn għal matul il-ġurnata.
“91% ta’ dawk li jagħmlu użu mis-soup kitchen huma Maltin, hawn nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom, jekk hawn mijiet li qed jgħixu fit-triq hawn eluf li qed jgħixu fil-garaxxijiet u b’uħud lanqas għandhom elettriku, dan huwa faqar materjali li nsibu madwarna” – Patri Marcellino
Statistika riċenti maħruġa mill-YMCA turi li f’Malta hawn 400 persuna li m’għandhomx saqaf fuq rashom, dan filwaqt li hawn mat-3,000 persuna qed jgħixu fil-garaxxijiet, b’uħud minnhom lanqas għandhom provvista ta’ elettriku.
Ċifri oħra juru li f’Malta hawn mal-1,530 persuna li jaqilgħu biss €2.50 kuljum.
Ma’ Patri Marcellino tkellimna wkoll dwar is-solitudni li bosta qed iħabbtu wiċċhom magħha, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena, iżda mhux biss, bil-Patri Franġiskan jgħid li għandna ħafna nies li qed jgħixu s-solitudni, u li din tista’ tolqot lil kulħadd – mis-sinjur sal-fqir.
“Jiena nemmen li kull wieħed u waħda minnha jrid jerfa’ r-responsabbiltà li jkunu ta’ spalla għal xulxin, ma rridux ndawru wiċċna, iżda rridu noffru id tagħna biex ngħinu”
Fil-kċina, iltqajna wkoll ma’ numru ta’ żgħażagħ li qed iqattgħu xi jiem tal-vaganzi tal-Milied hemmhekk.
Tkellimna ma’ Yann Trovato u Martina Farrugia, żewġ studenti tal-MCAST illi qasmu magħna l-esperjenza tagħhom u x’realtà sabu quddiem wiċċhom meta bdew jassistu f’din il-kċina.
“Ma tantx ħsibt li se jkun hawn ħafna nies, imma meta rajt nies li jdumu ħafna ma jinħasslu u jieklu, ħassejt għafsa ta’ qalb, aħna nsibu kollox lest id-dar, u dawn iridu l-għajnuna”
“Li tqum filgħodu u se tagħmel kikkra te, li taf filgħaxija li se tmur id-dar u se ssib l-ikel. Ħafna drabi ma napprezzawx, dawn issa wieħed se nibdew napprezzawhom aktar, speċjalment meta tara dawn in-nies”
Patri Marcellino spjegalna kif hu jiltaqa’ ma’ persuni li jgħixu wkoll fil-karozzi, fejn ġieli jitolbu wkoll biex jinħaslu fis-showers apposta li hemm fil-kunvent.
Is-servizz tas-Soup Kitchen, ma jagħtix biss servizz ta’ ikel, iżda wieħed jista’ jsib ukoll għajnuna minn professjonisti mediċi, u anki legali. Dawn fissru magħna kif bħalissa qed jaffaċċjaw l-isfida ta’ aktar faqar edukattiv, fejn kważi 30% taż-żgħażagħ f’Malta mhux iwasslu sal-Form 5, filwaqt li f’Malta bħalissa hawn mat-18,000 persuna li qed jaqilgħu anqas minn €500 fix-xahar.
Ritratti ta’ Matthew Tabone
//= $special ?>