Lokali

Bidu ta’ sena ġdida b’temp mill-isbaħ

Il-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll it-turisti kollha li jinsabu fostna f’dawn il-jiem bla dubju li se jgawdu ċelebrazzjonijiet mill-isbaħ meta fi tmiem il-ġimgħa nsellmu s-sena 2022 u nilqgħu s-sena l-ġdida.

Fil-fatt, it-tbassir tat-temp jindika li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Lejl tal-Ewwel tas-Sena se nkunu qed nesperjenzawhom f’temperaturi li normalment mhumiex assoċjati max-xahar ta’ Dicembru.

Is-Sibt, lejlet l-ewwel tas-sena, it-temperatura se titla’ għal massimu ta’ 19-il grad filwaqt li l-inqas mistennija tkun 12-il grad celcius – ferm ‘il boghod mit-temperaturi kesħin li qed jesperjenzaw bħalissa l-Amerikani u l-Kanadizi.

L-istess jista’ jingħad għall-1 ta’ Jannar meta t-temperaturi se jibqgħu fl-istess livelli, bi tbassir ta’ temp xemxi u sabiħ.

Dan it-temp se jippersisti anke fl-ewwel ftit jiem tas-sena l-ġdida. U mhuwiex fenomenu li qed nesperjenzaw Malta biss.

Fl-Italja u Franza, ukoll mistennija jiddominaw temperaturi mhux tas-soltu għal dan iż-żmien tas-sena.

U anke f’Londra, kollox jindika li t-temperaturi se jibqgħu ‘il fuq sew minn dawk normalment assoċjati mal-festi tal-Ewwel tas-Sena. Bl-inqas, fl-1 ta’ Jannar, tinżel għal 7 gradi celcius.