Erba’ ġimgħat wara t-traġedja f’Kordin, fejn miet iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia u weġġgħu ħamsa oħra, il-Gvern għadu ċass jilmenta minn proċessi, ferneżija u attitudnijiet fil-qasam tal-kostruzzjoni li ħoloq hu stess.
Dan ħareġ fi stqarrija tad-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li, sadanittant, il-familja ta’ Jean Paul tħalliet fl-għama u l-industrija tħalliet għaddejja daqslikieku dan kien xi każ iżolat u qisu m’hawnx siti b’riskji simili. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern ma jistax jibqa’ ċass u jinħeba wara inkjesti li jieħdu xhur, jekk mhux snin, u wara proċessi li jeżentaw lil min hu responsabbli minn responsabbiltajiet li jikkonċernaw is-saħħa, is-sigurtà u l-ħajja ta’ ħaddiema jew nies oħrajn li jkun jenħtiġielhom ikunu ġewwa jew qrib ta’ siti ta’ kostruzzjoni.
Hi responsabbiltà tal-Gvern li jkunu rreveduti policies u regolamenti li qed iħallu lok għal abbuż u għandu jipprovdi l-għodda moderna meħtieġa, inkluż ir-riżorsi umani mħarġa, lill-OHSA biex din tkun tista’ tlaħħaq man-numru ta’ postijiet tax-xogħol u postijiet oħrajn f’riskju ta’ inċidenti, inkluż dawk li bħalissa, minħabba xi raġuni jew policy, mhux qed ikunu spezzjonati.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-ħtieġa li minflok jintilfu fi sforzi frammentati u red tape li jwasslu biss għal ħela ta’ ħin u spejjeż żejda, l-awtoritajiet għandhom janalizzaw bis-serjetà u minngħajr iżjed ħela ta’ ħin in-numru ta’ rapport u inkjesti li saru u jsiru kull darba li jseħħ inċident.
Filwaqt li japprezza li l-proċess biex ikunu lliċenzjati l-kuntratturi wasal biex jibda, il-Partit Nazzjonalista jenfassizza li dan il-proċess għandu jkun wieħed rigoruż, sod, ġust u trasparenti, minghajr eċċezzjonijiet u favuri, kif ukoll li l-liċenzjar għandu jkun applikat għal kuntratturi fl-oqsma kollha relatati mal-qasam tal-kostruzzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex, f’dan il-każ u f’każi simili, il-Maġistrat Inkwirenti jkun eżentat minn xogħlijiet ġodda biex il-ġustizzja tkun tista’ ssir fi żmien raġjonevoli u tidher li qed issir, filwaqt li l-familjari ma jibqgħux f’limbu.
Filwaqt li jtenni l-proposta tiegħu li jsiru Maġistrati Inkwirenti speċjalizzati, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Gvern għandu joħloq proċessi aktar effikaċi u effiċjenti, kif ukoll jipprovdi r-riżorsi biex il-backlog ta’ każi li hemm quddiem il-Maġistratura jitniżżel għal livelli aċċettabli.
Hi r-responsabbiltà tal-Gvern u l-awtoritajiet ikkonċernati li jaraw li r-rakkomandazzjonijiet f’rapporti u inkjesti ikunu implimentati minnufih biex kemm jista’ jkun jonqos ir-riskju fil-postijiet tax-xogħol.