Iċ-ċivili ta’ Kherson – waħda mill-ibliet prinċipali tal-Ukrajna – qegħdin isofru mill-ġdid il-bumbardamenti ħorox mill-qawwiet Russi minkejja li l-inħawi ilhom l-aħħar ġimgħat taħt il-kontroll tal-Ukreni.
Ir-residenti li qed jaġġornaw lis-servizzi tal-aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni qalu li l-bumbardamenti tar-Russi fuq Kherson issa qabdu ritmu regolari u terribbli, b’mijiet ta’ nies qed ikunu kostretti li jaħarbu lejn zoni aktar sikuri.
Ir-Russi anki qed jibbumbardjaw lill-isptarijiet, fost rapporti li numru ta’ balal laqtu l-maternity ward ta’ wieħed minn dawn il-kumplessi u fejn kien biss b’miraklu li ma nqatel ħadd.
Il-Gvern Ukren, bħalissa, qed jiffaċilita l-eżodu taċ-ċivili minn Kherson, iżda mijiet ta’ residenti qegħdin jippakkjaw u jitilqu mingħajr l-ebda direttiva minn fuq. Dan meta fl-aħħar sigħat kompla jiżdied is-serbut tal-karozzi – mimlijin biċ-ċivili mbeżżgħin — fit-triq ewlenija li tagħti ‘il barra minn din il-belt.
Kien proprju x-xahar li għadda li r-residenti ta’ Kherson kienu qed jiċċelebraw il-liberazzjoni tal-belt mill-qawwiet ta’ Moska wara li l-belt kienet waqgħet lir-Russi lejn l-aħħar ta’ Frar – proprju fit-tieni jum tal-invażjoni tal-Ukrajna.
Madankollu, l-assedju ġdid fuq Kherson ma jidhirx li se jkollu tmiem kif ġieb u laħaq, bil-militar ta’ Moska qed jispara kontinwament il-missili mill-inħawi tax-xatt maġenb ix-Xmara Dnipro u wara li kien irtira għal hemmhekk minn Kherson fil-11 ta’ Novembru.
Il-belt ta’ Kherson għandha importanza kbira minn lat strateġiku u fejn hi magħrufa bħala ‘l-aċċess ewlieni’ għall-penisola tal-Krimea.
//= $special ?>

