Colin Schembri
Bupa Luxol 79
Depiro 64
(19-16)(16-21)(17-15)(27-12)
Bupa Luxol kisbu t-tielet rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Depiro 79-64 biex dawn tal-aħħar ħadu daqqa ta’ ħarta wara r-rebħa li ħadu kontra Mellieħa ftit ġranet qabel. Il-partita kienet bilanċjata u kien biss fl-aħħar sessjoni li Luxol aċċertaw mir-rebħa. Il-partita fetħet bi trippla fuq kull naħa minn Nikola Vasovic u Miguel Brincat u Luxol ħadu l-ewwel vantaġġi. Luxol komplew bil-punti tal-Amerikan Trevian Bell u trippla ta’ Jean Paul Schembri għal skor ta’ 14-8. Wara risposta minn Depiro bil-punti tal-Amerikani Rooks u Cornelius, Luxol kellhom trippla minn Bell u temmew l-ewwel sessjoni 19-16 minn fuq. Depiro fetħu l-aħjar fit-tieni taqsima meta għamlu sitt punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Brincat u marru għall-ewwel darba minn fuq 22-19. Luxol wieġbu permezz ta’ Stefan Capello u Vasovic u komplew bi break qasir ta’ 7-1 li reġa’ poġġijhom minn fuq 30-27. Ir-risposta minn Depiro waslet għal darb’oħra minn Rooks u Cornelius flimkien ma’ trippla ta’ Nicholas Grech biex daħlu jistrieħu 37-35 minn fuq.
Fit-tielet taqsima, Depiro kabbru l-vantaġġ għal sitt punti 43-37 wara punti minn Andrew Aquilina u Cornelius. Hawn Luxol kellhom mument tajjeb b’run ta’ 11-4 bi trippli ta’ Schembri u Bell biex is-sessjoni ntemmet f’parita ta’ 52-52. Fl-aħħar perjodu, Luxol ħasdu lill-avversarji b’run ta’ 11-0 fosthom trippla ta’ Vasovic. Depiro ppruvaw jirkupraw hekk kif Cornelius għamel żewġ trippli wara xulxin pero Luxol kellhom risposa permezz ta’ Marco Matijevic u l-aħħar trippla ta’ Vasovic biex ħarġu rebbieħa 79-64.
Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 19, M. Sciberras, T. Bell 21, N. Engelbert, JP Schembri 6, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 15, M. Matijevic 16, S. Cappello 2.
Depiro: D. Camilleri, A. Aquilina 2, N. Grech 5, S. Kenely, K. Rooks 13, M. Brincat 8, M. Mallia 5, C. Cornelius 31, J. Micallef, M. Debattista 2.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu
Starlites FIJO 98
Mellieħa Libertas 110
(19-30)(24-16)(22-28)(33-36)
Fi tmiem ta’ partita stupenda oħra, Mellieħa Libertas għelbu lic-champions Starlites FIJO 110-98 biex mhux biss tawhom it-tieni telfa tal-kampjonat, iżda qabżuhom fl-ewwel post tal-klassifika b’differenza ta’ baskets. Iż-żewġ timijiet kellhom player importanti nieqes hekk kif Starlites kienu mingħajr Ian Felice Pace u Mellieħa kienu mingħajr David Bugeja minkejja li kien fuq il-bank. Spikkaw ukoll il-punteġġi għolja taż-żewġ Amerikani, Darius George ta’ Starlites b’41 punt u Connor Zinaich ta’ Mellieħa b’50 punt. Iż-żewġ timijiet fetħu bit-three pointers minn Jordan Notch u Matthew Attard għal Starlites u Zinaich u Vukassin Jandric għal Mellieħa. Mellieħa komplew bi break ta’ 11-2 biex fetħu vantaġġ ta’ 14 -il punt 30-16 qabel ma Starlites għamlu l-aħħar punti tat-taqsima għal skor ta’ 19-30. Fit-tieni perjodu, Starlites komplew jagħfsu biex ikomplu jersqu viċin speċjalment bil-punti ta’ Notch, George u Alec Felice Pace. Huma għamlu run ta’ 10-2 biex waslu sa’ 3 punti ‘l bogħod 32-35. Isaac Bonett għamel trippla għal Mellieħa li komplew bil-punti ta’ Nenad Bukva, Zinaich u trippla ta’ Nikola Jovanovic biex fl-intervall kellhom vantaġġ ta’ 3 punti 46-43.
Fit-tielet sessjoni, Mellieħa reġgħu marru seba’ punti minn fuq wara baskets minn Miguel Falzon u Robert Bonnici fost l-oħrajn. Punti ta’ Notch u Attard reġgħu wasslu lil Starlites basket ‘l bogħod. Wara punti ta’ Bonett u Zinaich, George għamel trippla għal Starlites li baqgħu viċin tal-avversarji. Kien biss lejn tmiem it-taqsima li Mellieħa għamlu break ta’ 9-2 biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti 74-65. L-aħħar taqsima kienet waħda mill-isbaħ li fijha saru xejn anqas minn 69 punt. Starlites bdew b’run ta’ 10-3 però Mellieħa wkoll wieġbu bi break ta’ 9-2 biex żammew vantaġġ ta’ 11 -il punt 88-77. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin bi breaks qosra u trippli fosthom minn Miguel Fabri għal Starlites però Mellieħa dejjem baqgħu fuq quddiem. Għal tlett darbiet, Starlites waslu sa’ basket ‘l bogħod però wara li Zinaich kiseb il-mitt punt ta’ Mellieħa, l-ħin kien kontra Starlites li rrikorrew għal foul biex iwaqqfu l-arloġġ però Zinaich u Jandric għamlu l-freethrows biex Mellieħa ħarġu rebbieħa 110-98.
Starlites FIJO: A. Felice Pace 19, M. Attard 8, M. Fabri 6, L. Riolo, M. Scerri 4, R. Carabott 1, L. Farrugia 4, N. Sultana, D. George 41, J. Notch 15.
Mellieħa Libertas: M. Falzon 2, R. Bonnici 14, V. Jandric 17, I. Bonett 7, N. Bukva 17, N. Jovanovic 3, C. Zinaich 50, M. Formosa.
Referees: Fiorentina Ciurariu, Zvezdan Dobrosaviljevic, Vladimir Nikolic
Hibernians 98
Gżira Athleta 82
(21-17)(24-23)(25-23)(28-19)
Hibernians ħadu t-tieni rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Gżira Athleta 98-82 għalkemm Athleta xorta żammew it-tielet post tal-klassifika. Partita b’diversi polemiċi f’xi waqtiet inaċċettabli fejn uffiċjal tal-partita deher saħansitra jargumenta ma’ partitarju tal-Athleta fil-halfime u l-istess uffiċjal waqqaf il-partita għal xi ħin sakemm partitarju ieħor ħareġ mill-court.Ħasra li s-sena ntemmet b’dan il-mod. Intant kienu Hibs li għamlu l-ewwel 8 punti tal-partita minn Justin Bogle u Anton Axiaq. Athleta wettqu reazzjoni mmedata u bdew b’10 puntu fosthom żewġ trippli ta’ Roland Griffen li reġa’ spikka b’total ta’ 48 punt. Hibs reġgħu għamlu run ta’ 9-2 b’aktar punti minn Axiaq flimkien ma’ Ivan Demcesen biex temmew l-ewwel sessjoni 21-17 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Athleta naqqsu d-distakk għal punt wara trippla ta’ Nathan Xuereb però Hibs malajr reġgħu kabbru l-vantaġġ wara break ta’ 10-2 minn Axiaq u Bogle. Wara punti ta’ Griffen għall-Athleta, Hibs kellhom żewġ trippli minn Peter Shoults u Bogle però Xuereb wkoll kellhu żewġ three pointers biex Hibs daħlu jistrieħu 5 minn fuq 45-40.
Wara l-intervall, Athleta bdew b’seba’ punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Luca Stefanovic biex marru minn fuq. Hawn Hibs ħasdu lill-avversarji b’erba’ trippli minn Luke Farrugia, Bogle u Matthew Attard però Athleta ma ċedewx qabel ma’ wasal l-episodju tas-sospensjoni tal-partita bl-Athleta jitilfu lil Xuereb bil-ħames foul. Hibs għalqu s-sessjoni b’vantaġġ ta’ seba’ punti 70-63 wara trippla oħra ta’ Shoults. Fl-aħħar perjodu, Hibs għamlu run deċisiva ta’ 14-2 fosthom bil-punti ta’ Neil Cassar, Attard u Bogle u fetħu vantaġġ ta’ 18 -il punt 88-70, L-aħħar sforz tal-Athleta ssarraf biss fi break qasir ta’ 7-2 hekk kif Hibs baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem biex rebħu l-partita 98-82.
Hibernians: N. Cassar 7, P. Attard, L. Attard, L. Farrugia 8, A. Axiaq 24, M. Fall, R. Aquilina, M. Attard 7, J. Bogle 25, I. Demcesen 21, P. Shoults 6.
Gżira Athleta: N. Buhagiar, L. Stefanovic 14, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 13, R. Griffin 48, I. Xuereb 2, S. Vincic, R. Abela 2, B. Zammit 3.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Ionut Ciurariu.
Tislima lil John Tabone
Dan l-artiklu ġie miktub propju fil-ġurnata li tħabbret il-mewt ta’ John Tabone, pilastru mhux biss tal-club ta’ Luxol, li waqqaf flimkien ma’ Joe Falzon (il-Fus), però tal-basketball lokali. Kelli diversi opportunitajiet li nitkellem ma’ John fejn fil-fatt l-ewwel intervista li kont għamilt għal-ġurnal in-Nazzjon fis-snin 90 kienet propjament miegħhu. Għadni niftakar il-mod li bih lagħqani fil-club tal-Luxol u niftakru jirringrazzjani tal-paġna sħiħa li konnha ħadna, li għal basketball f’dik l-era kienet xi ħaġa kbira. Wara, bħala ġurnal konnha ntroduċejna l-paġna “Wara l-aħħar basket”, b-intervisti u analiżi, u rebħ jew telf, John kien ikun dejjem dispost għall-kummenti dejjem b’versi rikki u mingħajr polemiċi. Ma’ John bqajt f’kuntatt sakemm wara 1000 logħba fit-tmun tal-club ddeċieda li jieqaf minn mal-kbar għalkemm baqa’ jagħti kontribut fis-settur taż-żagħżagħ. Insellimlek John fil-waqt li nwassal il-kondoljanzi mill-ġdid lill-familja kollha tiegħhu.
//= $special ?>