Kurt Farrugia u Nick Mericieca temmew b’suċċess qadfa ta’ 60 minuta fl-isfida ‘60 Mins with Love’, bil-għan li jinġabru fondi, b’risq id-Dar tal-Providenza. Din l-attivita’ organizzata minn Siggiewi Rowing Club, rat liż-żewġ para-qaddiefa jwaqqfu rekord dinji ġdid, ta’ siegħa qdif mingħajr waqfin, fil-gym tad-Dar tal-Providenza. Flimkien ma’ Kurt u Nick, kien hemm ukoll diversi qaddiefa li mill-istess Siggiewi Rowing Club li għamlu l-qadfa tagħhom bil-għan li jiġbru aktar fondi għad-Dar tal-Providenza.

Matul ix-xahar li għadda kemm Kurt kif ukoll Nick waqqfu rekords dinjija ġodda fil-kategoriji rispettivi tagħhom, fl-Indoor Rowing tal-500 metru. Farrugia, li kkompeta fil-kategorija tal-Irġiel PR2 għamel il-qadfa f’ħin ta’ żewġ minuti 5.4 sekondi, filwaqt li Nick, li kkompeta fil-kategorija ta’ PR1 tal-500 metru, għamel il-qadfa tiegħu f’ħin ta’ 3 minuti u 9.6 sekondi. Minkejja d-diżabilita’ tagħhom iż-żewġ atleti jinsabu determinati li jkomplu jitħarġu f’dan l-isport, taħt il-gwida u t-tmexxija tal-President tal-Kumitat Paralimpiku Malti Joseph Grima u l-kowċ Juan Carlos.
Intant, Nick u Kurt qed jaspiraw ukoll li matul is-snin li ġejjin jirrappreżentaw lil pajjiżna fil-Paralimpjadi li se jsiru f’Pariġi fl-2024.
//= $special ?>