Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kkundanna l-aħħar politika tat-Taliban li qed iżżid ir-ripressjoni għan-nisa u l-bniet fl-Afganistan.
Dan meta r-reġim Iżlamiku tat-Taliban fl-aħħar jiem ipprojbixxa lin-nisa u t-tfajliet milli jattendu l-università u istituzzjonijiet oħra ta’ tagħlim — bin-nisa Afgani lanqas mhuma permessi li jaħdmu għall-organizzazzjonijiet li mhumiex affiljati mal-Gvern (NGOs).
Intant, il-Kunsill tas-Sigurtà magħmul mir-rappreżentanti ta’ 15-il pajjiż wera allarm kbir għar-restrizzjonjiet fir-rigward tat-tagħlim għan-nisa u t-tfajliet Afgani – bis-Segretarju-Ġeenrali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, jinsisti mat-Taliban biex jirtira l-aħħar direttivi.
Min-naħa tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà qed isejjaħ għall-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa u l-bniet fis-sistemi edukattiva tal-Afganistan. L-istqarrija qed tħeġġeġ ukoll biex it-Taliban jerġa’ jiftaħ mill-ġdid lill-iskejjel u jdawwar lura l-aspetti ta’ politika li qed inaqqsu r-rispett għad-drittijiet umani u l-libertà fundamentali tal-poplu Afgan.
Dan ukoll meta l-projbizzjoni għall-ħaddiema nisa involuti f’xogħol umanitarju għandha wkoll tħalli impatt negattiv u sinifikanti għall-ħidma ta’ fejda attwali fl-Afganistan.
//= $special ?>

