Il-Federal Emergency Management Agency (FEMA) tal-Istati Uniti qed tkompli tindirizza l-istraġi li ħalla l-agħar maltemp li qatt laqat lill-poplu Amerikan għal għexieren ta’ snin.
Dan meta qed ikomplu deħlin ir-rapporti ġodda dwar il-vittmi li tilfu ħajjithom fost l-inżul tal-borra u l-irwiefen bis-silġ li ma qatgħu xejn fl-aħħar ġranet u li ilhom għaddejjin minn qabel il-Milied.
Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, kien approva d-dikjarazzjoni ta’ emerġenza li tippermetti biex l-agħar Stati milqutin jingħataw l-għajnuna fuq bażi federali mingħajr telf ta’ żmien.
Intant, il-FEMA qed tappoġġja lill-impenji tal-Istati rispettivi biex inaqqsu mill-impatt tal-maltempata mlaqqma ‘Elliott’. L-aġenzija anki qed tikkoordina l-isforzi kollha għal dawn it-tipi ta’ emerġenzi bil-għan li ssalva l-ħajja u l-proprjetà waqt li tissalvagwardja l-livelli tas-servizzi tas-saħħa u tas-sigurtà fid-diversi Stati Amerikani.
Issa sar magħruf li l-hekk-imsejjaħ Christmas Storm ħalla mill-anqas 70 mejtin madwar l-Istati Uniti u wara li l-elementi minn ‘Elliott’ wasslu għal friża rekord fi bnadi ta’ Montana, Pennsylvania u Wyoming, minbarra reġjuni oħra – kif ukoll fil-Kanada.
Fl-istess ħin, l-iskedi tat-titjiriet interni għadhom affettwati mill-kaos tal-maltemp u wara li kellhom jitħassru ‘il fuq minn 20,000 titjira għal żmien il-‘holiday weekend’ tal-Milied.
Il-maltemp ilu l-jiem jonfoh mir-reġjun tal-Artiku u ma setax jonqos li l-elementi kellhom iħallu impatt devastanti fiz-zoni taċ-ċentru u tal-lvant tal-Istati Uniti – bl-awtoritajiet f’dawn l-ibnadi għadhom qed jikkalkulaw ir-riżultat finali tal-istraġi sussegwenti.
//= $special ?>

