L-Istati Uniti qed tikkunsidra li timponi r-restrizzjonijiet ġodda dovuti għall-Covid għan-nies kollha li jivvjaġġaw lejn artha miċ-Ċina.
Dan meta l-awtoritajiet komunisti f’Beijing ikkonfermaw li l-fruntieri taċ-Ċina se jinfetħu mill-ġdid matul il-bidu tas-sena d-dieħla
L-aħbar, sadanittant, qed tħasseb lill-uffiċjali Amerikani li qegħdin jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet minħabba n-nuqqas tat-trasparenza fir-rigward tal-virus miċ-Ċina….L-istess nuqqas ta’ trasparenza li kien intwera mill-awtoritajiet Ċiniżi meta l-Covid, jew coronavirus, kien feġġ għall-ewwel darba f’arthom lejn l-aħħar xhur tal-2019,
Il-każi tal-Covid qegħdin jiżdiedu mill-ġdid f’numru ta’ pajjiżi u meta l-Ġappun, il-Malasja u t-Tajwan – li huma fost l-Istati li ma jridux jimpurtaw il-virus mill-ġdid – diġà ġabbru l-miżuri aktar riġidi għan-nies li jivvjaġġaw għal hemmhekk miċ-Ċina. Sar magħruf ukoll li t-turisti Ċiniżi, ‘il quddiem, se jkunu jridu jipproduċu bil-fors il-konferma ta’ negative tests għal żmenijiet speċifiċi qabel il-vjaġġi rispettivi.
Min-naħa tagħha, iċ-Ċina qalet li r-regoli tal-Covid għandhom jitmexxew fuq bażi xjentifiku, bil-Gvern ta’ Beijing jakkuża lill-pajjiżi u l-media tal-Punent b’li qed ‘jeżaġeraw u jagħtu stampa falza dwar il-politika taċ-Ċina rigward is-sitwazzjoni tas-saħħa fit-territorji tagħha’.
Iċ-ċittadini Ċiniżi li jridu jsiefru lejn pajjiżi oħra jistgħu japplikaw mill-ġdid għall-passaporti mit-8 ta’ Jannar, bil-websajts tal-ivvjaġġar qed jirrappurtaw iż-żidiet qawwija fil-konkorrenza u ‘l-espressjonijiet ta’ interess’ mill-poplu taċ-Ċina.
Madankollu, ħafna pajjiżi qegħdin jaqsmu s-sens tal-inkwiet li t-turiżmu potenzjali miċ-Ċina kapaċi jferrex sew il-Covid, bl-uffiċjali Amerikani jenfasizzaw in-nuqqas tad-data trasparenti minn Beijing li kapaċi tagħmel id-differenza kollha matul l-istaġun.
//= $special ?>

